Ritratt: Kunvent Dumnikan tal-Lunzjata, il-Birgu  (Facebook)

Fil-Knisja tad-Dumnikani tal-Lunzjata fil-Birgu intrama presepju b’differenza fl-isfond tal-gwerra li qed isseħħ fl-Art Imqaddsa, bil-Bambin ta’ Bethlehem taħt it-tifrik.

Il-konfigurazzjoni tal-presepju hi mimlija b’simboliżmu li jfakkar dak li qed iseħħ, bil-Bambin innifsu taħt il-bricks biex ifakkar li diversi tfal qegħdin jinqatlu jew jinstabu ħajjin taħt it-tifrik ta’ bini li nqered bil-bombi.

Il-Bambin jinstab ukoll iżolat mill-pasturi l-oħrajn, bid-distanza tal-Madonna u ta’ San Ġużepp tirrapreżenta l-ħafna ġenituri li spiċċaw ifittxu lil uliedhom qalb it-tifrik jew jibku t-telfa tagħhom.

Id-distanza tal-maġi tissimbolizza kemm id-diffikultà biex tasal l-għajnuna meħtieġa mill-popli affetwati kif ukoll kif ħafna tfal ġew imċaħħda mir-rigali u l-ferħ tal-Milied.

Il-baqra u l-ħmara qegħdin wisq bogħod biex jipprovdu s-sħana meta hemm diversi tfal u familji ibatu l-kesħa. Il-pasturi huma żgħar meta kkomparati mal-bambin biex tiġi enfasizzata din id-distanza, meta ħafna familji spiċċaw il-bogħod minn xulxin.

Il-Kunvent tad-Dumnikani qiegħed iħeġġeġ lin-nies biex imorru quddiem dan il-presepju mhux tas-soltu, biex jitolbu għall-paċi fl-Art Imqaddsa.

Bambin ieħor qalb it-tifrik intrama’ wkoll fil-belt fejn twieled, f’Bethlehem, li din is-sena kkanċellat iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied.

Sors: Newsbook.com.mt