• Diretturi:         Anthony Russo u Joe Russo

    Atturi:              Robert Downey Jr., Chris Memsworth, Mark Ruffalo, Chris Evans, Scarlett Johansson, Benedict Cumberbatch, Dom Cheadle u Tom Holland

    Ħin tal-Film:    149 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Għalkemm l-Avengers u l-allejati tagħhom tħarbtu fil-ġrajjiet li ġraw fl-avventura: Captain America: Civil War, dawn baqgħu flimkien jipproteġu d-dinja minn theddid kontinwu. Saret impossibbli li wieħed jibqa’ jiġġieled waħdu l-aktar meta tfaċċa periklu akbar mill-kosmos, Thanos, tirann intergalattiku, infami li ma kienx sejjer jieqaf qabel ma jakkwista s-Sitt Ġebliet Infiniti li bihom kien jkollu l-qawwa biex jeżerċita setgħa b’mod li kien sejjer jaffettwa l-umanità kollha u jgħawweġ ir-realtà għar-rieda tiegħu. Biex iżommuh milli jagħmel dan, jingħaqdu Iron Man, Thor, Hulk u l-kumplament tal-Avengers mal-Guardians tal-Galaxy.

    Il-ġrajja tal-film tibda b’Thanos fuq il-vettura spazjali ta’ Thor li fuqha kien hemm l-aħħar kreaturi Asgardians. Thanos u r-ruffjani tiegħu  kienu ġa qatlu dawk kollha li kienu fuq il-vettura u faċilment ġabu fix-xejn lil Thor u lil Hulk. Heimdall ittrasporta lura lejn id-dinja lil Hulk iżda lil Thor ħallih għal mejjet fuq il-vettura. Thanos jikkmanda lis-suldati tiegħu biex isibu l-Ġebliet Infiniti li waħda minnhom kienet għand Doctor Strange u oħra fuq moħħ Vision. Hekk kif Hulk jillandja NewYork, iwissi lil Strange u Tony Stark li Thanos kien ġej. Fi żmien qasir, in-nies ta’ Thanos jaslu New York u jagħtu bidu għall-ġlieda kontra Doctor Strange u Tony.  Spider Man (Peter Parkes) jasal fil-ħin biex jidħol fil-ġlieda.

    Sadanittant  fl-ispazju, Thor jiġi salvat minn Guardians of the Galaxy u jgħarrafhom li Thanos kien qiegħed jiġbor il-Ġebliet Infiniti. Gamora tispjega li Thanos, it-tieni raġel ta’ ommha, li meta jaħtafhom taħt idejh, jkun kapaċi li jbiddel it-realtà kollha. Thanos kien jemmen li l-univers kellu bżonn iktar bilanċ minħabba li l-popolazzjoni kienet kibret wisq. Sadanittant, il-Ġebla Infinita fuq Vision kienet tinsab f’periklu kbir. Captain America (Steve Rogers), Falcon, Scarlet Witch u Black Widow jieħdu lil Vision lejn Wakanda biex jiġi protett u fejn King T’Challa, il-Black Panther kien lest bl-armata tiegħu biex jitqabad sal-mewt biex Thanos ma jieħux il-Ġebla Infinita minn Vision. Meta Thanos jersaq qrib biex jakkwista dak li jrid, l-Avengers ikollhom jużaw saħħithom kollha biex jwaqqfuh. Tgħid jirnexxielhom? X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Anthony Russo u Joe Russo, kitba ta’ Christopher Markus u Stephen McFeely. Film eċitanti, spettaklu interessanti u moralment qawwi għalkemm b’ħafna xeni vjolenti.