L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Dan l-Evanġelju jiġbor it-tliet għemejjel li aħna niddedikaw b’mod speċjali bħala parti mill-qima u l-kult tagħna fir-Randan: il-karità, is-sawm u t-talb. U l-Mulej jinsisti li għalkemm dawn huma atteġġjamenti li jistgħu jidhru minn barra, wieħed jista’ jidher jagħmel il-karità, jista’ wieħed jidher li qed jitlob u jidher ukoll qiegħed isum, l-għemil l-iżjed importanti huwa dak li jikber u jitla’ mill-qalb u li ngħixuh fejn il-Missier jara: “Il-Missier li jara dak li hu moħbi jroddlok hu” (Mt 5:4).

Ir-Randan mhux biss sensiela ta’ atti esterni li l-kultura tagħna tgħinna ħafna fihom dawn, imma l-iżjed importanti għall-Mulej huwa li r-Randan ikun vjaġġ tal-qalb: li jiena nagħmel il-karità mill-qalb, li jiena nitlob propju minn qalbi u li s-sawm tiegħi ma jkunx xi ħaġa esterna imma jkun il-konverżjoni tal-qalb. Dak li l-profeta fl-Ewwel Qari, il-profeta Ġoel jgħid: “Ċarrtu qalbkom u mhux ilbieskom” (Ġoel 2:13). Qalbek iċċarratha bit-tnehid tal-ħniena tal-proxxmu u bil-ħajja tar-rażan. Għalhekk it-talba fil-bidu tar-Randan li bdejna f’din il-liturġija biha, titkellem ukoll dwar dan l-istaġun ta’ taqbida. Fir-Randan irridu nitqabdu mal-vizzjijiet kollha li jkunu nġabru fil-qalb tagħna u madwarna u rridu nitolbu ’l Mulej filwaqt li jħares fuqna bil-ħarsa ta’ ħniena, jgħinna wkoll nitqabdu ma’ dak kollu li jbegħedna minnu.

L-iżjed importanti għall-Mulej huwa li r-Randan ikun vjaġġ tal-qalb: li jiena nagħmel il-karità mill-qalb, li jiena nitlob propju minn qalbi u li s-sawm tiegħi ma jkunx xi ħaġa esterna imma jkun il-konverżjoni tal-qalb.

Aħna u nippreparaw għaż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa fostna, il-Mulej qed jistedinna biex ngħixu b’mod partikolari r-Randan, il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, l-istaġun kbir ta’ ferħ wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Il-Papa ġej propju 50 jum wara l-Għid, f’Għid il-Ħamsin u b’xi mod jiġi wkoll bħala konklużjoni tal-istaġun tal-Għid.

Imma l-Għid jibda mil-lum għaliex dawn l-40 jum qaddisa ta’ preparazzjoni huma b’xi mod ukoll l-istaġun tar-rebbiegħa tar-ruħ. Almenu aħna fl-emisfera tagħna, ir-raba’ ta’ madwarna jgħidilna li diġà qegħdin fir-rebbiegħa, bilkemm kellna xitwa din is-sena għax xita m’għamlitx. Nispera ma tagħmilx issa imma tagħmel hi, m’aħniex se nżommuha. Imma r-raba’ qed jgħidlek li dalwaqt ir-rebbiegħa.

U allura tajjeb li nibdew dan l-istaġun bħala wkoll staġun tar-rebbiegħa tar-ruħ, meta aħna nitwieldu mill-ġdid. Wara kollox dawn l-40 jum li bdejna se jwassluna għal dak il-lejl qaddis li fih aħna nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, il-Knisja tbierek in-nar il-ġdid, tbierek l-ilma l-ġdid, tiċċelebra l-Ewkaristija l-ġdida, dak il-lejl huwa lejl tat-tiġdid, il-lejl li fih aħna nerġgħu nfakkru t-twelid tagħna bħala wlied Alla.     

Għalhekk nisimgħu l-Kelma t’Alla b’mod ħerqan. Jiena nixtieq nirringrazzjakom ilkoll kemm intom għax-xogħol li se jagħmlu ħafna minnkom biex ikollna żjara tal-Papa sabiħa u li tħalli ħafna ġid u min issa nistedinkom biex dan ir-Randan ukoll ikun Randan ta’ tħejjija u ta’ interċessjoni.

Kull żjara tal-Papa – hawn diversi minkom li issa ormaj draw – kull 10 snin ikollna żjara tal-Papa, tirrikjedi ħafna xogħol, ħafna paċenzja, se jkun hawn mumenti fejn nitilfu l-paċenzja ma’ xulxin ukoll, irridu nrażżnu kultant il-frustrazzjoni li nħossu tordna xi ħaġa li ma tiġix, titlob stima u ma jagħmluhielekx, eċċ u dik tkun parti mill-penitenza tar-Randan. Jiġifieri s-suġġeriment tiegħi hu li dan is-sawm neħduh hekk: bil-paċenzja li nieħdu ma’ xulxin u skont iċ-ċirkustanzi.

Dak sawm li jiġi u jgħaddi; is-sawm il-kbir huwa dak li aħna nrażżnu l-iskatti, mill-Papa ’l isfel. U anke aħna nagħmlu din ir-riflessjoni: kemm għandna arja aħna l-bnedmin. Mikrobu li ma tarahx bl-għajnejn, jurik min tassew int. M’ilux xi ħadd semmejtlu propju l-parabbola sabiħa li hemm ta’ H.G. Wells li kiteb ktieb qasir ħafna The War of the Worlds. Jimmaġina li d-dinja tiġi invażata bil-marshalls, dawn il-mostri kbar,li ħadd ma jista’ għalihom. Imbagħad ħin minnhom jibdew jaqgħu u jmutu għax ma kellhomx immunità għall-mikrobi li hawn fid-dinja, miżgħuda minnhom u l-viruses. U l-parabbola ta’ H.G. Wells kienet li dak li ma stajniex nagħmlu aħna, għamluh organiżmi li aħna ma nistgħux naraw b’għajnejna imma hemmhekk qegħdin. U din l-esperjenza li qed tgħaddi mid-dinja turina – min aħna? Min jien?

U tkun tagħlima wkoll għalina biex dan ir-Randan nieħdu lilna nfusna b’serjetà kbira imma mhux wisq.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġoel 2, 12-18
Salm: 50 (51), 3-4.5-6a.12-13.14 u 17
Qari II: 2 Kor 5, 20 – 6, 2
Evanġelju: Mt 6, 1-6.16-18

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti