• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, iż-Żejtun
    21 ta’ Marzu 2018

    Fil-ġranet ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira tisimgħu diversi siltiet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann fejn Ġesù jitkellem mal-kapijiet u jgħidilhom: “Issa qegħdin tfittxu li toqtlu lili” (Ġw 8, 40). Hu, li jagħraf il-qalb, jifhem li s-sejħa tiegħu wkoll li jkun sinjal li jmeruh u għal tliet darbiet lid-dixxipli tiegħu qalilhom: ‘Bin il-bniedem jitla’ Ġerusalemm u jkollu jbati ħafna u saħansitra joqtluh, imma fit-tielet jum iqum” (ara Mt 20, 18-19).

    Aħna u nippreparaw għad-Duluri u għall-Ġimgħa l-Kbira, nippruvaw insibu ħin biex inqerru.

    Illum jinsisti ħafna li hu, bil-mewt tiegħu u bl-għotja tiegħu, ħerqan ħafna jagħtina l-veru ħelsien. U jispjega din il-veru ħelsien (ara Ġw 8, 32). Il-veru ħelsien huwa l-ħelsien mid-dnub. Jispjegalhom li jekk jixtiequ jkunu ħielsa, iridu jinfatmu mid-dnub. Din hija t-talba li nixtiequ nagħmlulu aħna wkoll. Aħna u nippreparaw għad-Duluri u għall-Ġimgħa l-Kbira, nippruvaw insibu ħin biex inqerru. Mulej, fil-ħniena tiegħek, eħlisna minn dnubietna. Dik it-talba sabiħa li ngħidulu: ‘Nadurawk, O Ġesù, u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna,’ inti ħlistna mill-jasar tad-dnub.

    U nitolbu wkoll lill-Mulej li aħna ma nibżgħux mill-verità li għallimna. L-ikbar verità li għallimna hija l-imħabba lejn xulxin, l-imħabba saħansitra tal-għedewwa. Hija verità iebsa u diffiċli imma hemm bżonn naħdmu fuqha. Nitolbuh il-grazzja li bħalu jkollna s-sens u l-qalb kbira li ngħidu: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34).

    Mons. Ġużeppi Mercieca kellu kelma diretta, sempliċi, imma profonda.

    Dawk l-għezież kelmiet li intom għandkom miktubin hawnhekk u li fil-Ġimgħa l-Kbira joħorġu fil-purċissjoni, huwa kliem għażiż; il-kliem li Ġesù lissen minn fuq is-Salib Imqaddes: “Għandi l-għatx” (Ġw 19, 28), “Kollox mitmum” (v. 30), “F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi” (Lq 23, 46). Il-fatt li jaħseb f’ommu u fid-dixxipli u lill-ħalliel it-tajjeb jgħidlu: “Illum tkun miegħi l-ġenna” (Lq 23, 43),  huwa kliem għażiż li għalina huwa wkoll balzmu, balzmu għal qalb tagħna.

    Aħna u nfakkru lil Mons. Ġużeppi Mercieca, niftakru f’dan ir-ragħaj kbir tal-poplu tagħna. Kien arċisqof għal 30 sena sħaħ; kellu kelma diretta, sempliċi, imma profonda. Il-Mulej sejjaħlu minn dan ir-raħal għażiż sentejn ilu fis-7:20 ta’ filgħodu. Nibqgħu niftakruh b’għożża u b’imħabba u nitolbuh ukoll jidħol għalina quddiem Alla.  

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Dan 3, 14-20.91-92.95
    Salm: Dan 3, 52.53-54.55-56
    Evanġelju: Ġw 8, 31-42
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace