L-avvenimenti ta’ dawn l-aħħar jiem għandhom ikunu okkażjoni għalina l-Maltin u l-Għawdxin biex nieqfu u naħsbu tajjeb ħafna dwar x’qed jiġri madwarna. Ħadd mhu lest jiġġustifika l-vjolenza, tkun minn fejn tkun ġejja, la vjolenzja fiżika fuq in-nies u l-patrimonju, u wisq inqas kliem ta’ mibegħda li jagħmel ħsara mhux biss lill-proxxmu tagħna imma anki lil min jagħmlu. Jekk aħna rridu niżirgħu xi żerriegħa, hemm bżonn tkun żerriegħa ta’ paċi, mhux ta’ mibegħda għax iż-żerriegħa tal-mibegħda tkisser lilna nfusna qabel xejn. Iż-żerriegħa tal-paċi hi magħmula mit-tolleranza, mid-djalogu u anke mill-qalb li tifhem u tagħder lill-proxxmu tagħna.
Aħna għandna d-dritt nitolbu l-ħarsien tal-liġi tal-pajjiż imma dan ma jiġġustifikax li aħna nużaw kliem ta’ mibegħda għal xi kategorija ta’ nies jew anke għal xulxin. L-appell tiegħu hu li aħna nibqgħu poplu li nilqgħu l-barrani u nikkwota l-enfasi li għamel il-Papa Franġisku meta jfakkarna f’dik is-sentenza tal-Iskrittura mill-Ittra lil-Lhud fejn tgħid ħafna huma u jilqgħu l-barranin, mingħajr ma kienu jafu kienu qed jilqgħu lill-anġli.
Elfejn sena ilu aħna lqajna grupp ta’ nies li sfaw nawfragati fuq ix-xtut tagħna. Magħhom kien hemm priġunier jismu Pawlu ta’ Tarsu. Tana l-ikbar barka. Iż-żerriegħa li żera’ Pawlu għamlet il-frott. Ma nkunux aħna li niżirgħu żerriegħa ta’ mibegħda li tkissirna.