Il-Katidral tal- Mdina

7 ta’ Diċembru 2012

Ħuti, din hija sena tal-fidi u l-Papa Benedittu qed jistedinna lkoll biex, kull wieħed u waħda minna jagħmel qabża ta’ fidi jiġifieri jsaħħaħ il-fidi tiegħu, jiġifieri jgħix fid-dawl ta’ dak li aħna ma narawx imma, kif jgħid S. Pawl, nittamaw fih permezz tal-fidi tagħna.

Hu xieraq li llum kemm għaliex hija festa kif ukoll għaliex aħna qegħdin miġburin madwar radju li huwa msemmi għal Sidtna Marija, tajjeb li nieħdu lil Sidtna Marija bħala dik li tmexxina fil-fidi tagħna.

Jiena li xtaqt naqsam magħkom illum hu li nieħdu xi episodji mill-ħajja ta’ Marija li fihom turina aspetti differenti ta’ kif għexet il-fidi tagħha hi, biex aħna naraw ftit liema aspett tal-fidi li kellha Marija nixtiequ li nikbru fih din is-sena.

Marija, il-Qaddejja tal-Mulej

Nibdew mill-Vanġelu (Lq 1, 26-38) li kellna llum. Sidtna Marija, l-mixja tagħha tal-fidi poġġietha madwar dawk il-kliem li hija qalet: ”Jiena il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. U ma naħsibx li jista’ jkun hemm att ta’ fidi li jibda bil-mixja lejn il-Mulej iktar qawwi minn dak li qalet Sidtna Marija: jiena l-qaddejja tal-Mulej ħa jsir minni skont kelmtek. Illum il-kelma qaddejja iddejjaqna imma għalina l-insara l-aktar ħaġa kbira hija għax qalha Ġesù wara, li aħna nkunu bħalu u  bħal Marija qaddejja ta’ Alla l-Imbierek. Araw kif il-Madonna il-fidi tagħha wasslitha biex tgħid xi affarijiet qabel ma qalhom il-Mulej Ġesù: “Jiena ġejt mhux biex inkun moqdi, imma biex naqdi”. U Marija qalitha qabel ma semgħetha minn għand il-Mulej Ġesù. Daqshekk hi kbira l-fidi tagħha, ovvjament għaliex kif smajna fil-Vanġelu tal-lum, kellha l-Ispirtu s-Santu magħha, niżel fuqha, kienet mimlija bil-grazzja, li mbagħad fiż-żmien aħna sirna ninterpretawha bl-Ispirtu s-Santu bħala dik li m’għandha xejn fiha li mhux grazzja.  U allura kienet taf spiritwalment lil Ġesù qabel ma hu beda jipprietka għax l-Ispirtu s-Santu kien inebbaħha.

Marija taqsam il-ferħ tagħha

Rajna wkoll fil-Vanġelu ta’ llum, li Sidtna Marija ma talbitux sinjal li Alla l-Imbierek, imma huwa taha sinjal għax hekk Hu jimxi magħna. Fil-fatt is-sinjal kien: mur għand Eliżabatta u hemmhekk tara xi ħaġa li qatt ma ħlomtha, li din il-mara mdaħħla fiż-żmien, din se jkollha tarbija. U l-Madonna marret tiltaqa’ ma’ Eliżabetta.  Immaġinaw lil Sidtna Marija tagħti l-ferħ tagħha li ġo fiha għandha lil Ġesù u tiltaqa’ mal-ferħ ta’ Eliżabetta li taf li dak li hemm ġo fiha irid jaqdi wkoll lill-Mulej. U allura, kull min għandu l-fidi vera, ma jistax iżomm lura milli jaqsamha ma’ xi ħadd.  U jekk aħna forsi għandna ċertu biża’ biex naqsmuha, illum il-Madonna qed tgħidilna: aqsmuh l-ferħ tagħkom ma’ l-oħrajn ħalli l-oħrajn jistgħu jifirħu bħalma nifirħu aħna bil-preżenza tal-Mulej Ġesù.

Marija tikkontempla wiċċ Ġesù

It-tielet riflessjoni li xtaqt naqsam magħkom fil-ħajja ta’ Sidtna Marija hija dik li jgħid il-Papa Ġwanni Pawlu II f’waħda mill enċikliċi tiegħu: m’hemm ħadd li jaf il-wiċċ ta’ Ġesù bħalma tafu Sidtna Marija. U jekk m’hemm ħadd li jkun jaf il-wiċċ ta’ ibnu jew bintu daqskemm hija l-omm, aħseb u ara kemm kienet tikkontempla l-misteru li l-anġlu Gabrijel qalilha meta tħares lejn Binha Ġesù, lejn wiċċ Binha Ġesù.   U din hija l-kontemplazzjoni, ħuti. Il-meditazzjoni hija xi ħaġa oħra importanti ħafna imma fil-meditazzjoni nużaw pjuttost il-moħħ tagħna biex ngħaddu minn ħaġa għall-oħra, napprofonduha. Meta qed nitkellmu fuq kontemplazzjoni qed nitkellmu li l-Madonna kienet tħares biss lejn Binha u minn Binha kienet toħroġ il-grazzja tal-fidi tagħha, mhux mir-raġunar tagħha imma minn Binha kienet toħroġ il-fidi tagħha u timlieha aktar bil-fidi. Forsi ma ppruvajniex il-kontemplazzjoni; aħna kultant forsi t-talb tagħna ngħaqduh ħafna mal-kliem; m’hemm xejn ħażin imma irridu naslu f’ mument li fih mhux int qed tkellem lil Mulej imma tħalli lilu jimlik bil-fidi biex int ikollok propju l-fidi li jagħtik lil Mulej Ġesù.

Marija tfittex lil Ġesù

Ir-raba ħaġa li xtaqt li naqsam magħkom fil-ħajja ta’ Sidtna Marija hija meta jkun hemm hi u Ġużeppi u jitilfu lil binhom Ġesù. Tlett ijiem! X’għamlu? Mhux qalu: u iva xi darba xi ħadd iġibulna lura! Huma, allavolja kienu jafu li hu Bin Alla, marru jfittxuh.  U din hija r-raba’ riflessjoni li aħna rridu nagħmlu. Meta jiġi mument li aħna ngħidulu fid-deżert,  aħna rridu nfittxuh il-Mulej Ġesù mhux inħalluh jiġi waħdu, mhux inħalluh jaħdem hu biss imma, bħal Marija, infittxu lil Ġesù għax ikollna ħerqa li ma ndumux ħafna f’dak id-dlam li kultant ikollna. Jista’ jkun dubju, jista’ jkun mument diffiċli li fih  ma ngħarfux biżżejjed dak li għaddejjin minnu, per eżempju xi mard, jew inkella xi tbatija u f’dak il-mument, li huwa mument diffiċli ħafna u ma nifhmuhx, aħna għandna bzonn il-fidi li jagħtina l-Mulej Ġesù,  l-imħabba kollha ta’ Alla l-Imbierek.  Weħidna ma naslux. Irridu nfittxuh.

Il-Missjoni ta’ Marija ta’ interċessjoni

Imbagħad SidtnaMarija ġħandha l-missjoni tal-interċessjoni. Kemm hu sabih meta naqraw il-Vanġelu u naraw lil dan Ġesù iċedi l-ewwel miraklu tiegħu għat-talba ta’ Marija. Ma naħsibx li kieku ried, Sidna Ġesù Kristu ma kienx jinduna hu minn xiex kienu għaddejjin dawk l-għarajjes. Induna b’tant persuni li huma għaddejin mill-mard jew minn xi ħaġa oħra! Imma din hija l-ħlewwa ta’ kif jgħallimna l-Mulej Ġesù!  U l-Madonna interċediet għal dawk iż-żewġ għarajjes u Ġesù wettaq dak li ghalih interċediet il-Madonna. Kemm hu sabih li aħna nkomlu propju dan il-ministeru ta’ Sidtna Marija. M’hemmx għalfejn ngħidu lill-oħrajn. Ġieli jitolbuna huma: itlob għalija, Father, itlob għalija għax naf li inti titlob.  Għajnejja jridu jkunu sensittivi daqs ta’ Marija, jimpurtani b’mod speċjali mill-ġirien tiegħi, u jien nitlob għalihom bħalma għamlet Sidtna Marija.

Marija tbati ma’ Ġesù

Riflessjoni oħra li xtaqt naqsam magħkom hija li din is-sena tal-fidi aħna nagħmlu bħalma għamlet Sidtna Marija. L-anġlu Gabrijel f’dan il-mument għamilha biss parti mill-misteru tagħha, il-parti kienet li hi se twelled lil Iben t’Alla. Ma qallhiex kollox. Marret it-tempju, hemmhekk kien hemm Xmuni u hemm miktub li kien imdawwal mill-Ispirtu s-Santu u qalilha – mhux dal-kliem eżatt, qed nagħmlu jien –  Marija, int il-quddiem se jkollok tbati flimkien ma’ Ibnek. Il-Madonna żammitha f’qalbha biex meta mbagħad  Sidna Ġesù Kristu kien fuq is-salib, b’mod misterjuż kien hemm ukoll Sidtna Marija.  Kif kienet taf  x’ġara lil Binha? Dak iż-żmien ma kienx hemm telefon jew xi ħaġa oħra. Jien ngħid kien l-Ispirtu. Dak li f’ħajjitha hi qalet, mhux faċli ta, imma naqrawh l-ewwel fl-Atti tal-Appostli meta kien hemm l-appostli u d-dixxipli ferħanin għaliex batew għal Mulej Ġesù.  U aħna nitfixklu, kif niltaqgħu mat-tbatija nitfixklu, għax għad għandna l-idea,  aħfruli ta, li meta inti timxi wara l-Mulej Ġesù, qiegħed hemmhekk biex jagħmillek kollox tajjeb u sew. U jekk il-ħajja tiegħu ma kienetx hekk, u jekk Ġesù lid-dixxipli ma daħakx bihom,  imma qalilhom: jekk lili għamluli hekk, lilkom se jagħmlulkom hekk ukoll.  Kemm il-darba nżommu ruħna lura biex nistqarru lil Mulej Ġesù li ma jmurx xi ħadd jikkritikana, u dik il-kelma li biha stajna ngħidu lil ħaddieħor biex jersaq lejn il-Mulej Ġesù, għax kien hemm it-tbatija, bżajna minnha.  U l-Madonna żammet dan f’qalbha li hi se tbati minħabba Binha Ġesù u kienet ħdejh fuq is-salib.

Marija u l-Komunita Nisranija

Il-Madonna sfortunatament rat lil Binha imut qabilha. Kull omm jew missier ibati ħafna għax tistenna li l-ewwel imutu dawk li huma kbar u mbagħad dawk li huma żgħar. Imma l-Madonna għaddiet minn dik l-esperjenza tqila u kerha li rat lil Binha imut fuq is-salib.  U x’għamlet il-Madonna meta rat hekk? Jiena naħseb li kienet nnebbha il Madonna. Hi marret mal-komunita Nisranija! Tiftakru meta kienu qegħdin jistennew lill-Ispirtu s-Santu, kienu qegħdin jitolbu flimkien ma’ Marija omm Ġesù? U din hi l-aħħar ħaġa li xtaqt naqsam magħkom. Il-Madonna kellha tgħix lil Binha din id-darba mhux fil-ġisem kif kienet qabel sakemm kellu tlieta u tletin sena, imma kellha  bħalna tgħix lil Mulej Ġesù permezz tas-sinjali li għandna aħna:  titqarben ma’ l-oħrajn, tisma’ l-kelma tal-appostli għax hi mhux dejjem kienet magħhom allura min jaf kemm kienet b’attenzjoni tisma’ mill-appostli minn xiex kienu għaddew mal-Mulej Ġesù u hi aktar attenta biex titgħallem. Għax lilna l-Mulej qalilna li l-Knisja hija Hu.   Illum nisimgħu ħafna li jgħidulna: u jiena qabel ma norqod ngħid talba, biżżejjed għalija. U jiena nagħmel il-karita!  Ġesù mhux hekk qalilna. Ġesù għamel il-Knisja biex aħna permezz tal-Knisja nduqu lil Mulej Ġesù. Kemm għandna bżonn fidi, ħuti. Anke meta jkun ġej xi ħadd jitqarben u kultant nibqgħu fuq dak li naraw biss. Hawn tiġi l-fidi għax mhux dak li naraw biss, imma x’hemm wara dak li naraw.  Il-kelma t’Alla meta nisimgħua u nixtarruha, inħalluha tidħol ġewwa qalbna, mhux dak li qed nisma’ bil-widnejn imma dak li qed nisma’ bil-widnejn spiritwali li hemm ġewwa fija. Hekk kienet tagħmel il-Madonna. Tiftakru dak il-kliem: il-Madonna kienet iżżomm dak kollu f’qalbha.

Allura, ħuti, illum nitolbuha lil Sidtna Marija, aħna nħobbuha ħafna lil Madonna, biex kull wieħed u waħda minna, inħobbuha ħafna aktar. Min għadu ma ħax lil Madonna bħal dik li jimxi fuq il-passi tagħha, illum jibda jipprova jimxi spiritwalment fuq il-passi tagħha. Hija l-akbar unur li nistgħu nagħtuha għax b’hekk inkunu qed nersqu lejn il-Mulej Ġesù.

✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta