KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt, Vallettta
26 ta’ Ottubru, 2011
Ħuti,
Hemm diversi modi kif tibda tħares lejn dan il-mument, iżda jien nixtieq li nħarsu lejh fid-dawl tal-kliem li nsibu fil-ktieb ta’ Ġob: “Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej” (1,21). Nixtieq li nagħmlu tagħna it-tagħlima ta’ Ġob għaliex hija l-unika triq lejn Alla: ta’ umilta’ u fiduċja quddiem il-kobor ta’ Alla, aktar milli ta’ pretensjoni quddiemu. Alla ta: Grazzi Mulej talli tajt il-ħajja lil Missieri, u tas-snin kollha – 95 sena – li tajthulna. Grazzi talli akkumpanjajtu tul dawn is-snin kollha. Ma kontx tidher, iżda kont ħdejk, u hu kien jaf li int ma kontx bogħod minnu. Alla ħa: Grazzi Mulej talli anki f’dan il-mument inti trid tfakkarna li għalkemm ngħixu fuq l-art aħna tiegħek, u inti tridna għall-eternita’. Aħna ma ġejniex maħluqin biex nibqgħu ngħixu fuq din l-art għal dejjem, iżda li fl-aħħar mill-aħħar aħna ġejna maħluqin għal eternita’ miegħek. Mulej, aħna noffrulek lil missieri bil-qalb. M’aħniex nagħtuh f’idejn il-mewt, iżda f’idejk, idejn ta’ missier, kollok imħabba.
Naħseb li missieri li għamel ħafna snin katekist ġewwa l-Istitut ta’ San Ġakbu fil-Belt jifrah li qegħdin nieħdu l-okkażjoni biex nużaw anki l-mewt tiegħu biex nagħmlu riflessjoni fuq il-mewt. Xtaqt li nagħmel riflessjoni fuq il-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Sidna Ġesu’ Kristu meta sar bniedem kellu wkoll jissoġġetta ruħu għall-mewt. Skont il-Ktieb tal-Ġenesi, wara d-dnub tal-bniedem, il-mewt saret punt integrali mill-ħajja sħiħa tal-bniedem: dik fuq din l-art u dik fi ħdan il-Missier, fl-eternita’. Huwa l-passaġġ li fih dan il-ġisem dgħajjef tagħna, mċappas bid-dnub, jitħalla wara, biex nerġgħu niksbuh, glorjuż għall-eternita’. Kienet att ta mħabba mingħand Alla li ppermetta dan kollu biex inkunu nistgħu ngħixu bniedem sħiħ – ruħ u ġisem – għall-eternita’. Iżda meta ġie fostna Ġesu’ ħa fuqu mhux biss il-mewt fiha nfisha, iżda dawk it-tbatijiet li tort tal-bniedem jistgħu jiżdiedu mal-firda li hi l-mewt. Ġesu’ qatluh qasir il-għomor – ta’ 33 sena – u bata biex miet għaliex bnedmin oħra kienu ġibilu l-mibegħda u l-ħruxitajiet tagħhom. Aċċetta li jmut dik il-kwalita’ tal-mewt, biex jingħaqad u jkun ta’ faraġ għal dawk li l-mewt jgħixuha ukoll fiċ-ċirkustanzi ta’ iktar tbatija li żżid il-firda: vjolenza, qtil…
Jiena ma nistax nidentifika l-mewt ta’ missieri ma’ din il-kwalita’ tal-mewt ta’ Ġesu’. Għaliex missieri miet, mimli bl-għomor, f’soddtu, imdawwar mill-imħabba ta’ ommi u tagħna u tas-sorijiet li ħadu tant ħsiebu U allura tiġi l-mistoqsija li rridu nagħmlu fuq l-imħabba ta’ Alla. Kellna bilfors ngħaddu mill-mewt, iżda Alla l-Missier żgur li l-mewt tagħna jridha tkun passaġġ kalm, ta’ paċi, hekk li min iħares lejha ikollu sens ta’ paċi. Hekk għaddejniehom dawk il-mumenti. U hawn tidher l-imħabba ta’ Alla l-Missier: ħalla lil Ibnu jmut hekk biex ikun ta’ faraġ għal dawk kollha li l-esperjenza tal-mewt hija magħquda mal-ħażen u t-tbatija, iżda mbagħad tana dwal biex il-mewt tagħna ma tkunx hekk, iżda tkun firda mdawwra minn paċi.
Jiena nemmen li Missieri qiegħed jifraħ li qed ikun ta’ katekista anki f’dan. Fil-Lezzjonijiet ta’ llum nistgħu naraw xi wħud minn dawn id-dwal ħalli nħejju għal mewt imdawra b’ħafna paċi. Fil-Vanġelu ta’ llum rajna r-relazzjoni ta’ Ġesu’ mhux biss ma’ Lazzru li qajjmu mill-mewt, iżda ma’ ħut Lazzru u man-nies l-oħra. Huwa beka magħhom. Ried jurina li t-tbatija lilu tweġġgħu. Ħajja li tkun qrib ta’ Ġesu’ tħejji wkoll għall-paċi anki waqt il-mument tal-mewt. Kieku kelli nsemmi xi karatteristiċi ta’ missieri kont insemmi: is-sempliċita’, il-fedelta’ lejn Alla u lejn il-prinċipli li dejjem emmen fihom, lejn il-familja – missieri u ommi dalwaqt kienu se jagħlu 68 sena miżżewġin, u l-imħabba lejn kulħadd li kien jesprimiha bi tbissima. Żgur li ma għamilx ħwejjeġ kbar biex jitfakkar bihom, xi ħwejjeġ li biddlu l-kors tal-istorja, iżda b’għemejjel żgħar ta’ kelma ħelwa u tbissima, ferraħ lil tant nies li kienu jiltaqgħu miegħu. Naħseb li ma ħalliex dinja akbar f’għajnejn is-soċjeta’, iżda aħjar. Miet bħalma għex: b’sempliċita’ kbira, mingħajr ma jagħmel xi ħoss kbir, iżda b’ħafna paċi.
It-tieni lezzjoni ta’ llum turina li ma tistax timxi wara Ġesu’, u ma jħallikx timxi warajh anki fil-passaġġ mill-mewt. Il-Kelma tiegħu ‘Ejja Warajja’ kienet tinkludi wkoll il-Mewt, li allura dawk li jagħżluh f’din il-ħajja qegħdin jagħżlu wkoll li jimxu warajh fil-mewt. L-ewwel lezzjoni ta’ llum tiftħilna orizzonti kbar. Tispjegalna kif l-eternita’ se tkun li treġġa’ lura dak li ġara wara d-dnub ta’ Adam u Eva. Ineħħi t-toqol li għandna biex inħossu lil Alla: “Iċċarrat … il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha”. Ineħħi t-tbatija li ġġagħlna nitnikktu : “jixxotta il-Mulej id-dmugħ munn fuq kull wiċċ”. Il-post tal-ħtijiet tagħna tieħdu l-Maħfra: “iħassar l-għajb tal-poplu tiegħu”. U jbiddel il-mewt għall-Ħajja fi ħdanu: “Jeqred il-mewt għal dejjem”. Storja qasira biex theġġiġna. Hija qalli li ftit ġranet qabel ma’ miet, hu qallu li mhux qiegħed jibża’ mill-mewt, għax minn hemm ikun jista’ jitlob għalina. Nixtieq li t-tama tagħna nesprimuha bis-salm 22: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni… Iva, it-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi il-jiem kollha ta’ ħajti; u ngħammar f’dar il-Mulej matul iż-żminijiet”.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta