Leħen is-Sewwa, Istitut Kattoliku, il-Furjana

25 ta’ Jannar 2013

Ħuti, hemm żewġ modi kif aħna nikkunsidraw il-bnedmin. Meta qed nitkellmu fuq il-ġurnaliżmu, nistgħu nibdew mill-ġurnaliżmu, u ngħidu ġurnaliżmu li huwa kattoliku. Imma llum aħna qegħdin infakkru l-konverjoni ta’ S. Pawl u allura kont inbiddilha jiena; kont ngħid Kattoliku, Kristjan li huwa ġurnalist. Jiġifieri il-punt tat-tluq li aħna qegħdin nitkellmu fuqu huwa propju l-fatt li hu nisrani, li ghandu l-fidi tiegħu hija qawwija, li mbagħad jagħti lilu nnifsu biex ikun jista’ jwassal il-kelma bħala ġurnalist.

Tafu li din il-kelma bdiet għaliex kif rajna fil-Vanġelu tal-llum Ġesù qalilna: “Morru fid-dinja kollha xandru l-bxara t-tajba lil ħolqien kollu” (Mk 16,15). Fil-bidu dawk li semgħu din il-kelma kienu jmorru huma jipprietkaw; u dawk ta’ madwarhom kienu jisimgħu dik il-kelma. Għadda ż-żmien u bdiet l-kitba u allura anke S. Pawl beda juża’ l-kitba biex iwassal il-kelma tal-Mulej, mhux biss għal dawk li jkunu quddiemu. Għadda ż-żmien u saret il-karta stampata, u allura l-kelma t’Alla bdiet tgħaddi anke permezz tal-karta stampata. U l-aħħar ħaġa, ovvjament, li llum il-Knisja qed tuża hi s-social media. Il-Papa il ħin kollu jħeġġiġna biex nużaw dawn il-mezzi ġodda biex il-kelma t’Alla tkun tista’ titwassal kullimkien.

Jiena xtaqt li nieħdu lil S. Pawl meta l-Mulej ippreparah biex iwassal il-kelma. X’għamel il-Mulej fuq S. Pawl? Kif ħejjih biex ikun jista’ jwassal il-kelma? U jien naħseb li hemm dawn l-erbgħa fatturi li huma importanti.

L-ewwel waħda: kien jaf Alla l-Imbierek li ma tistax titkellem fuq il-Mulej jekk ma jkollokx esperjenza diretta tiegħu. Mela l-ewwelnett meta int qed titkellem mill-esperjenza tiegħek, anke l-kelma li toħroġ hija kelma iktar qawwija għax mhux qed titkellem fuq dak li qal ħaddieħor, imma għaliex kien hemm mumenti fejn int ltqajt mal-Mulaj, il-Mulej imlilek qalbek imbagħad stajt tagħti l-kelma.

It-tieni ħaġa li għamel S. Pawl, ma smajnihiex illum, imma tafu S. Pawl mhux ikkonverta u beda jipprietka, le mhux hekk. S. Pawl ikkonverta, għaddew kważi disgħa snin qabel ma beda l-vjaġġi missjunajri tiegħu. Tlett snin għaddiehom propju fl-Arabja u hemmhekk il-Mulej beda jgħallmu hu stess. Għalhekk ġie appostlu hu, għax il-Mulej għallmu kif għandu iġib ruhu. Mela t-tieni ħaġa: ma tistax tipprietka lil Sidna Ġesu Kristu jekk ma tkunx taf x’qal Sidna Ġesu Kristu. Ma tistax! Jekk inti jkollok ġurnalist, l-aktar wieħed tajjeb li jista’ jkun hawn, imma qatt ma tgħallem u qatt ma kellu l-kurżita biex ikun jaf x’għallem u x’għix il-Mulej Ġesu, ikun ġurnalist tajjeb imma ma jkunx wieħed li jmexxi l-kelma tal-Mulej b’mod tajjeb. Għax la ma jafx x’qal il-Mulej Ġesu, x’jibqagħlu? Lilu nnifsu, dak li jaħseb hu, dak li jgħid hu.

It-tielet u r-raba riflessjoni fuq S. Pawl huma meta lil Mulej Ġesu iltaqa’ miegħu fit-triq; hemmhekk S. Pawl għamel żewġ mistoqsijiet li permezz tagħhom huwa seta’ jipprietka. L-ewwel waħda kienet: “Min int, Mulej?” Kemm hu sabih li l-ġurnalisti – qed nitkellmu b’mod speċjali fuq il-ġurnalisti li huma Kattoliċi, Kristjani – l-ewwel kelma li jridu jgħaddu lill-oħrajn, hu li jispjegawlhom din il-kelma: min int Mulej?

Għax kull nisrani suppost li din il-mistoqsija jagħmilha kontinwament: min int Mulej? Min int għaliex jiena naqra l-kelma tiegħek, imma min int għax int Mulej dejjem ġdid fiċ-ċirkostanzi differenti u ġodda li jien ngħaddi minnhom. Għalhekk il-Mulej dejjem ġdid. Ma nafx jekk ġralkomx bħalma jiġri lili li kultant inkun qrajt il-kelma tiegħu, min jaf kemm il-darba nkun qrajtha, imbagħad fiċ-ċirkostanzi tiegħi, mhux il-kelma tinbidel, iċ-ċirkostanzi tiegħi jinbidlu u kelma li ssoltu ma kontx nagħti każha, ma kienetx daqshekk importanti, f’daqqa waħda issir il-kelma l-iktar importanti. U naħseb li dan huwa x-xogħol tal-ġurnaliżmu li meta mbagħad jiena fil-kelma t’Alla nibda nsib dak li hu ġdid, nagħti ċ-ċans lil dawk li qegħdin jaqraw dak li jiena ktibt, li meta jagħmlu din il-mistoqsija, min int Mulej, isibu lilhom nfushom jiġu ispirati minn dak li nkun ktibt biex nuri l-Mulej min hu.

It-tieni mistoqsija li S. Pawl għamel: “Xi tridni nagħmel, Mulej?” għaliex in-nisrani mhux nisrani biss għaliex jemmen u jibqa’ fit-tagħlim għalih innifsu, imma f’dak il-mument li Ġesù qallu hu min hu, f’dak l-istess mument, S. Pawl induna li l-Mulej għandu bżonn bnedmin li jwasslu l-kelma. Xi tridni nagħmel, Mulej?

L-aħħar ħaġa hi dwar dawk it-tlett ijiem li San Pawl għamel ma jarax. Bniedem li ma jarax ikun ħafna dipendenti. S. Pawl kellu jgħaddi minn dik il-purifikazzjni, hu li mingħalih li jaf kollox. F’daqqa waħda induna li ma jaf xejn. U allura l-Mulej għaddih minn dawk t-tlett ijiem li fihom, immaġinaw x’umiljazzjoni kbira kienet għalih, hu li kien jaf kollox u li meta jidħol f’xi ħaġa, kien jidħol bir-ras, bħalma meta poġġa lilu nnifsu biex lil insara jitfagħhom il-ħabs, f’daqqa waħda jinduna li ma jaf xejn. Tafu x’jgħidu, li min ma jarax b’għajnejh ikun jista jaraf iżjed bil-għajnejn tal-qalb għax ma jkollux distrazzjonijiet daqskemm ikollna aħna. Allura l-Mulej għaddih minn dawn it-tlett ijiem li fihom ma kienx jara, u min jaf x’għadda minn moħħu S. Pawl. Mela mhux l-ewwel iltaqa’ ma’ Ħananija, imma l-ewwel għadda minn dawn it-tlett ijiem biex joqgħod jaħseb fih innifsu mingħajr distrazzjoni. Hekk, imbagħad wara li umilja ruħu, issa l-art kienet imħejjija, l-art li hu S. Pawl, kienet imħejjija, hu mar għand Ħananija u l-Mulej qallu: issa inti lest Pawlu għax lest li taċetta tkun, bħalma kien qal Ġesu, damiġġjana ġdida, issa nista’ nitfagħlek inbid ġdid ġewwa fik għax int sirt damiġġjana ġdida.

Allura naħseb li meta qed nitkellmu fuq il-ġurnaliżmu u anke fuq il-ġurnalisti, kemm hu sabih, li l-ġurnalisti jieħdu dan l-eżempju ta’ S. Pawl u jippruvaw ipoġġuh fil-prattika. Jien l-ewwel nisrani, imbaghad ġurnalist. Jien l-ewwel nisrani, ġieli ngħiduha, mhux għax qegħdin f’elezzjoni, imma jien l-ewwel nisrani imbagħad politiku, għax inkella tista’ tkun l-kontra. Int l-ewwel politiku imbagħad dak li jkun għad fadal, tkun nisrani. Mentri l-fatt li għallimna l-Mulej mhux hekk, hija bil-kontra. Il-Mulej qalilna l-ewwe1 kun nisrani imbagħad ngħidlek jien, Pawlu x’se nagħmel minnek. U l-Mulej qallu x’għandu jagħmel li jmur mad-dinja jxandar il-bxara t-tajba tal-Mulej Ġesu.

Allura nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja l-ewwel lill Azzjoni Kattolika għax il-Leħen is-Sewwa ħarġet mill-Azzjoni Kattolika, it-tieni nirringrazzja lil dawk kollha li bis-sahha taghhom għal ħamsa u tmenin sena il-Leħen is-Sewwa baqgħet tiġi ppublikata. Nirringrazzja l-perseveranza, nirringrazzja l-fidi ta’ dawk li mexxew u nitolbu għal dawk li issa mhumiex magħna imma li darba taw ħafna minnhom infushom ħalli l-Leħen is-Sewwa tibqa’ tinxtered fil-pajjiż tagħna.

✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta