Ħal-Balzan
25 ta’ Novembru 2012
L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-membri kollha li pparteċipaw u l-organizzaturi ta’ din is-serata għaliex il-messaġġ tagħhom kien qawwi ħafna ghal din is-Sena tal-Fidi u jgħinna biex nidħlu f’diversi spiritwalitajiet li jmexxuna lejn il-Mulej. Il-Papa Benedittu nieda s-Sena tal-Fidi propju biex kull nisrani iħares fejn wasal fil-fidi tiegħu u bl-għajnuna t’Alla ikompli jikber.
Jien xtaqt li naqsam magħkom ġrajja mill-ħajja ta’ Ġesù li tista’ tgħinna nagħmlu din il-mixja. L-istorja ilkoll nafuha. Jiġu għaxar lebbrużi quddiemu Ġesu` u jitolbuh biex ifejjaqhom. U Ġesù ifejjaqhom. L-ewwel tagħlima li nieħdu minn din il-ġrajja hija li Sidna Ġesù Kristu jgħin lil dawk li huma soċjalment imwarrbin, bħalma kienu l-lebbrużi fi żmienu. Meta ndunaw li fiequ, disgħa minnhom baqgħu sejrin, u wieħed minnhom, Samaritan, reġa’ lura għand Ġesù. U Ġesù weġġa’. Fil-fatt qal: mhux għaxra fiequ? Wieħed biss ġie lura biex jagħti glorja lil Alla?
Meta kont żgħir, kont naħseb li Sidna Ġesù Kristu weġġa għaliex ma qalulux grazzi. Imma ma kkonvinċitnix din l-interpretazzjoni. Ġesù li ta kollox se jfittex il-grazzi? U allura bdejt nipprova ninterpretaha mod ieħor. Il-weġgħa ta’ Kristu kienet għaliex kellu ħafna iktar x’jagħtihom lil dawk li ġew imfejqin. Imma ġara li disgħa kienu kuntenti għaliex fiequ materjalment, u waqfu hemm. Imma lil dak il-wieħed li mar għand Ġesù, issa Ġesù seta’ jħares f’għajnejh u jagħtih lilu nnifsu. Fil-fatt il-kliem li jgħid Ġesù dak il-ħin kien “il-fidi tiegħek fejqietek.” Jien l-istess ma kontx nifhimha, għaliex kont nghid għaliex dan il-kliem qalu lil dan il-wieħed biss, mhux l-għaxra fiequ? Għaliex lil dan biss qalha din il-kelma: il-fidi tiegħek fejqitek? Ir-raġuni hi li issa Ġesù qed jgħidlu: mhux biss mill-lebbra fiqt, issa fiqt quddiem Alla l-Imbierek. Ġesu` lil dan li emmen bis-shis fiH, seta’ jagħtih il-maħfra u lilu nnifsu.
Jiena xtaqt li nagħlaq b’żewġ ħsibijiet.
L-ewwel ħsieb
Irridu nagħżlu liema b’liema fidi se nimxu għal wara Ġesù. Dawk id-disgħa kellhom fidi wkoll, kieku ma kienux jgħidu lil Ġesù biex ifejjaqhom, imma fidi li kienet magħluqa f’dak li kellhom bżonn huma. L-ieħor li mar lura issa mbidel. Ma baqax hu ċ-ċentru; Ġesù sar iċ-ċentru ta’ ħajtu. U seta jkun dixxiplu tiegħu. U allura din hi l-ewwel għażla li rridu nagħmlu fis-Sena tal-Fidi. Liema kwalita’ ta’ fidi rrid li jkolli jiena: dik tad-disgħa lebbrużi?
Ħa nagħmel parentesi. Ir-rakkont jagħmel distinzjoni bejn id-disgħa li ma reggħux lura u l-wieħed li rega’ lura. Għaliex il-Vanġlu jgħid disa’ u wieħed u mhux ħamsa u ħamsa? Nispera li il-messaġġ mhuwiex li huma ħafna aktar dawk li jħarsu lejn Ġesù biex jieħdu xi ħaġa minnu, milli biex jpoġġuh fiċ-ċentru ta’ ħajjithom. Nittama li d-disgħa u l-wieħed mhumiex interpretazzjoni ta’ x’inhi r-realta`, u li hemm ħafna aktar li jersqu lejn Ġesu` b’fidi sħiħa.
Allura jien rrid inkun it-tieni wieħed li mmur għand Sidna Ġesù Kristu b’fidi sħiħa, bħalma għamel dak is-Samaritan. Imbagħad ħajti timbidel għax Ġesu` jsir iċ-ċentru ta’ ħajti. Naqla’ kemm naqla’ grazzji, qatt ma niċċentrahom fija nnifsi, dejjem inwassalhom lejn Sidna Ġesù Kristu.
It-tieni ħsieb
Ġesù mhuwiex newtrali. Ġesù weġġa’ għal din id-differenza bejn dawk id-disgħa u l-wieħed, u Ġesù għadu jweġġa meta aħna nkunu, minflok dawk id-disgħa, u mhux minflok dak il-wieħed. Ġesù iħobbna wisq biex jikkuntenta ruħu bil-ftit. Ġesù jrid jagħtina ħafna. U ma jistax jagħtina ħafna jekk ma nħallulux spazju bħalma għamel dak is-Samaritan.
Jalla din is-sena tal-fidi tkun għalina mod ġdid kif aħna nersqu lejn Alla l-Imbierek.