‘NIŻŻLU GĦERUQKOM FIH’

Għeżież Żgħażagħ,

Minn hawn u ftit ieħor aħna se niċċelebraw il-Milied.

Fil-Milied niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesù bħala bniedem. Ma nafx jekk timpressjonakomx, iżda jien kemm-il darba naħseb fuqha. Sidna Ġesù Kristu ma sarx bniedem biss fid-dehra, kemm jaqdi l-missjoni tiegħu, iżda qiegħed l-għeruq tiegħu fl-umanità li hu ħaddan. Sar bniedem u għex totalment l-umanità tiegħu: feraħ bħalna, beka bħalna, għex bħalna t-tfulija, ż-żgħożija, u bħala adult. Ġesù għex l-umanità tiegħu anke fit-tbatija u l-mewt.

Fl-Avvent aħna msejħin biex nilqgħu l-offerta tal-Mulej u nwieġbu għal din l-wirja ta’ mħabba tal-Iben t’Alla. Bħalma Kristu qiegħed l-għeruq tiegħu fl-umanità, hekk ejjew aħna ma nibżgħux inħallu l-għeruq tagħna jfittxu l-ħajja fiH.

Hija din t-tema li qed tmexxikom flimkien bħala Knisja Kommunità, lejn il-Jum Dinji taż- Żgħażagħ: “Niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi” (Kol 2, 7).

Għeruq

San Pawl għażel din it-tixbieha li xebbaħ il-fidi tagħna ma għeruq u tajjeb li nirriflettu fuqha.

Fin-natura ir-riflessjoni qatt ma tista’ tibda mill-għeruq. Hija tibda mir-raġuni għaliex hemm ix-xitla: biex dak li hi hi, ikompli jikber u jixtered. Ix-xitla mhix qiegħda hemm biex tibqa’ weħidha iżda biex ikun hemm xtieli oħra bħala. Hija tagħti l-ħajja lil xtieli oħra bil-qawwa li tirċievi mill-għeruq.

Il-fidi tagħna wkoll għandha l-għeruq, li jinżlu aktar fil-fond meta jsibu d-dawl li hi l-Kelma ta’ Alla, l-ikel li hija l-Ewkaristija, l-ambjent li hija l-komunità, u l-bidu tal-ħajja li hu Kristu.

Fjuri f’vażun huma sbieħ iżda ma jħallux frott warajhom minħabba li m’għandhomx għeruq. Għandhom bżonn l-għeruq  biex ikunu fjuri ħajjin. Jista’ jkun xi kultant aħna stess inkunu bħal dawn il-fjuri, sbieħ minn barra iżda bi ftit għeruq.

L-għeruq huma dawk li permezz tagħhom ix-xitla tfittex l-ikel u tkun lesta saħansitra li tkisser il-blat, biex issib ħajja fejn jidher li m’hemmx. Hekk ukoll għandha tkun l-attitudni tagħna meta insibu rwieħna f’mumenti iebsin.

L-Għeruq Insara fina

Ġesù kien diġa ppreżentalna din ir-riflessjoni meta qalilna li biex nagħmlu l-frott irridu nirċievu l-ikel mingħandu: “Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 5).

San Pawl ikompli din ir-riflessjoni meta jitkellem fuq l-għeruq. L-għeruq li jfittxu l-ikel bis-saħħa kollha: “Intom ilqajtu lil Kristu Ġesù l-Mulej; għixu mela magħqudin miegħu, niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu, imsaħħin fil-fidi kif tgħallimtu, u mtlew bil-gratitudni” (Kol 2, 6).

Bl-istess tixbiha, San Pawl jitlob u jurina fejn se twassal din il-mixja: “… Jagħtikom li bil-qawwa tiegħu permezz tal-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa, u li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu għeruq tagħkom fl-imħabba, u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla” (Ef 3, 16-19).

Konklużjoni

Għeżież żgħażagħ: kull Nisrani jrid jagħmel din l-għażla jekk irid jgħix il-milja tiegħu bħala Nisrani.  Fil-Messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, 2011 il-Papa Benedittu XVI iħeġġiġna: “Għeżież ħbieb, ibnu darkom fuq il-blat, bħal dak li ‘ħaffer fil-fond’. Fittxu intom ukoll li kuljum issegwu l-Kelma ta’ Kristu. Isimugħ bħal ħabib veru li miegħu tistgħu taqsmu l-vjaġġ tal-ħajja”.

Nixtieq li ma’ dan il-messaġġ nibgħatilkom ukoll il-barka tiegħi biex takkumpanjakom f’din il-mixja.

+ Mons. Pawlu Cremona OP

Arċisqof ta’ Malta