L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nixtieq insellem lill-isportivi kollha li llum qegħdin jiċċelebraw il-ġublew tagħhom. Dan hu mument ta’ grazzja u ringrazzjament lil Alla għad-don tas-saħħa u tal-enerġija. Illum nitolbu wkoll għal dawk li f’din il-maratona tal-volleyball qegħdin jagħtu mhux biss mill-ħin u mill-enerġija tagħhom imma qed jagħtu wkoll kontribut lid-Dar tal-Providenza. Nixtieq minn issa nirringrazzja wkoll lil kull min qed isegwihom, lill-benefatturi ġenerużi ta’ din id-Dar li jagħtu kenn lil ħutna.

L-Evanġelju tal-lum jitkellem dwar il-kenn li Ġesù jirċievi f’Betanja. Għalkemm ir-raħal mhux imsemmi fil-bidu tal-Evanġelju, għax jgħidilna li daħal f’raħal, nafu li dan hu r-raħal fejn kienu jgħixu Marta u Marija flimkien ma’ ħuhom Lazzru. Kull min se jkollu l-opportunità jżur l-Art Imqaddsa meta forsi ’l quddiem is-sitwazzjoni tikkwieta, jaf iżur ukoll ir-raħal ta’ Betanja fejn għad hemm il-qabar ta’ Lazzru u anke l-ambjent fejn Ġesù ġie milqugħ minn dawn il-ħbieb tiegħu li kien iħobb imur għandhom.

Illum l-Evanġelju jitkellem dwar episodju partikolari minn dawn iż-żjarat ta’ Ġesù, fejn iż-żewġt aħwa bniet, Marta u Marija, għandhom attaġġjament differenti li Ġesù japprezza għax it-tnejn huma importanti.

Marta qed tħejji anke biex tkun tista tilqa’ lill-imgħallem u hija medhija b’ħafna xogħol tad-dar. Min-naħa l-oħra, oħtha  Marija tinxteħet f’riġlejn dan il-mistieden speċjali, f’riġlejn Ġesù, u tisma’ l-kelma li għandu x’jgħid.

Ġesù japprezza l-għemil ta’ dawn iż-żewġ nisa imma lil Marta jgħidilha li qed tinkwieta f’ħafna affarijiet bħal meta aħna nkunu mistednin għand xi ħadd u ngħidulu biex ma jaqlax ħafna affarijiet. Donnu anke aħna ninkwetaw meta mmorru għand xi ħadd u dan imur out of his way biex jilqgħana mill-aktar mod tajjeb. Ġesù donnu wkoll qed jgħidilha hekk imma bi tbissima nimmaġinah jgħidilha biex ma tinkwetax iżżejjed.

Marija għażlet xi ħaġa li ma jittiħdilhiex. Qed tisma’ l-kelma li tixtieq li Ġesù jaqsam magħha. Iżjed milli kienet impenjata x’se toffri, hi impenjata li tilqa’ u tisma’ l-kelma tiegħu.  

Xtarrejt ftit, imma dan il-mesaġġ x’inhu għalina llum? Irridu nammettu li aħna qed ikunu medhijin b’tant affarijiet li m’għandniex ħin għalina nfusna. Insewh lil Alla, m’għandniex ħin għalina nfusna, m’għandniex ħin għall-maħbubin tagħna. Kultant niltaqa’ ma’ żgħażagħ li qed jippreparaw biex jiżżewġu u qed ilestu d-dar,  jaħdmu xogħol wara l-ieħor sabiex iħallsu d-dejn u m’għandhomx ċans jiltaqgħu.

Jien nemmen li jekk qed tħejji l-bejta, mhux aħjar tkompli timxi fit-triq tal-imħabba li għandha bżonn il-ħin  u l-ispazju tagħha? Intom tifhmuni x’irrid ngħid. Kemm inkunu boloh jekk il-ħajja ngħadduha naħsbu f’ħafna affarijiet u nitrasskuraw lilna nfusna u lil xulxin.

Ġesù jitkellem fuq sehem li ma jittiħdilniex jekk  nagħtu spazju għall-imħabba f’ħajjitna, l-imħabba tagħna nfusna, l-imħabba ta’ xulxin, u l-imħabba lejn Alla. Dawn huma t-tliet imħabbiet li jagħtu togħma tajba lill-ħajja. Allura, l-affarijiet l-oħra jaqgħu f’posthom weħidhom.

L-appell tiegħi hu li anke f’dan il-mument tas-sajf, mhuwiex dnub li tistrieħ. Ħafna drabi  jkollna guilt feeling għax tieqaf mix-xogħol u mill-ħidma u l-ġirja għal dak kollu li jimla’ ħajjitna. Le, li tieqaf u tieħu ħsieb tiegħek innifsek huwa parti mill-kmandament ‘la toqtolx’ għax ‘la toqtolx’ tfisser ukoll li tieħu ħsieb saħħtek.

Min jiddedika ħajtu għall-isport, pereżempju, mingħajr esaġerazzjoni qed jagħti ħin u spazju għal saħħtu. Ħafna drabi tisma’ min jgħidlek li m’għandux ċans għax minn xogħol għall-ieħor. Ix-xogħol huwa tajjeb għax huwa s-salmura tal-ġisem, jgħid il-Malti, imma biex imbagħad jisraqlek ħajtek, hekk le! Din hija l-kwalità ta’ ħajja li lkoll bħala soċjetà qegħdin infittxu.

Irridu nsarrfu l-kelma ta’ Ġesù li jgħid lil Marta llum: “Marta, Marta, inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ, imma waħda hi meħtieġa” (Lq10:41-42).

Illum, bid-diskors u bil-lingwa tagħna qed nitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja mhux biss li tgħix imma li tgħix ta’ nies. L-aħwa, jekk aħna ninsew lil Alla ma nafx kemm nistgħu ngħixu ta’ nies! Allura Alla mhuwiex l-għadu ta’ ħajtek imma dak li jiggarantilek togħma tajba għal ħajtek.

Fl-ewwel qari rajna li Abraham jilqa’ lil dawn it-tlett irġiel u jkollu l-barka tal-ulied. L-akkoljenza ġġib magħha barka kbira. Illum infakkru żewġt irħula iżda nixtieq infakkar raħal ieħor li laqa’ lil Ġesù.

Illum fakkarna lil Betanja, raħal li kien jilqa’ ħafna lil Ġesù fejn kienu jgħixu t-tlett iħbieb Marta, Marija u Lazzru. Wara li qajjem lil Lazzru mill-imwiet, Ġesù kien ippersegwitat, riedu joqtluh u mar jistkenn f’raħal ieħor fil-Palestina li jismu Efrajim. Qed insemmi dan ir-raħal għax għadu jeżisti, is-Sultan Saladin kien biddillu f’ismu għal Tajjab, li bil-lingwa tagħna nafu xi jfisser: ir-raħal tan-nies twajbin għax laqgħu tajjeb ħafna lil Ġesù.

Il-ġimgħa li għaddiet, Tajjab ġie attakkat mil-Lhud li jixtiequ jieħdu l-artijiet tal- Palestinjani. Kien hemm knisja antika u ħarquha wkoll u qatlu xi nies. Nixtieq insellem il-memorja ta’ dawk li mietu innoċentement bħalma ġara f’Gaża meta attakkaw knisja Kattolika f’Gaża.

Nitolbu biex il-qalb ta’ dawn in-nies ma tibqax ħarxa u krudili u biex jieqaf il-ġenoċidju tal-Palestinjani Musulmani u Nsara. Il-Lhud m’għandhomx dritt li għas-sigurezza tagħhom ikissru l-paċi u l-ħajja ta’ ħaddieħor. Dan qed ngħidu għax qed infakkru l-irħula fil-Palestina li laqgħu lil Ġesù, wieħed minnhom — li laqa’ lil Ġesù qabel il-passjoni tiegħu — ġie attakkat u spiċċa bi knisja antika maħruqa, knisja li ilha hemm 1,400 sena u bnewha l-Insara biex ifakkru l-preżenza ta’ Ġesù.

Għiduli liema dritt f’isem is-sigurezza tiegħek tista’ tkisser, taħraq u toqtol?

Aħna llum, bil-preżenza tagħna, qed nagħtu messaġġ differenti. Nieħdu ħsieb lil xulxin, b’mod speċjali lil min hu batut u hekk inkunu verament qed ngħixu ħajja ta’ nies!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 18:1-10a
Salm: 14 (15):2-3ab,3ċd-4ab, 5
Qari II: Kol 1:24-28
L-Evanġelju: Lq 10:38-42