‘Għandna ngħidu grazzi lill-Mulej għal persuni karizmatiċi li jibgħat fil-Knisja, bħal Mons. Mikiel Azzopardi’. Dan qalu L-Arċisqof Pawlu Cremona fiċ-ċerimonja tat-tberik tal-Bitħa Dun Mikiel li saret it-Tlieta, 26 ta’ Jannar 2010, fid-Dar tal-Providenza. L-Arċisqof kompla jgħid li dan hu zmien importanti għax huwa l-bidu ta’ proċess biex lill-Mons. Mikiel Azzopardi nibdew inħarsu lejn il-wirt li ħalla, mhux daqstant il-bini tad-Dar tal-Providenza imma l-ispirtu u l-karizma tiegħu. L-Arċisqof qal li meta Mons. Azzopardi kien iħares lejn il-persuna b’dizabilita’ kien jara fiha x-xbieha ta’ Alla. Fisser kif Mons. Azzopardi kien daħħal kultura ġdida ta’ kif għandna nħarsu lejn id-dinjita’ tal-persuni b’dizabilita’.
Aktar kmieni, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li ċ-cerimonja ta’ inawgurazzjoni tal-bitħa kienet storja ta’ ġenerozita’ li bdiet meta ż-żagħzugħ Kelinu Azzopardi ħalla erba’ snin ta’ studju tal-Ligi warajħ biex b’sens qawwi ta’ ġenerozita’ iwieġeb għas-sejħa tas-saċerdozju. Kien Dun Mikiel li nduna li f’Malta l-persuni b’dizabilita’ kienu qed jiġu misruqa minn kwalita’ ta’ ħajja dinjituza, mir-rispett li bħala persuni kien jixirqilhom u daqstant misruqa minn opportunitajiet indaqs. Quddiem din l-inġustizzja, kompla jgħid Fr Martin, Dun Mikiel ma setgħax jibqa’ kwiet u beda joħlom biex ibiddel din ir-realta’ bil-bini ta’ l-ewwel dar residenzjali għall-persuni b’dizabilita’ f’Malta.
Is-sur Caruana Smith, Kap tal-Iskola tal-Liċeo fil-Ħamrun, li għenu biex il-Bitħa Dun Mikiel issir realta’ wera l-gratudni tiegħu lejn ir-residenti tad-Dar tal-Providenza li taw lill-għalliema u l-istudenti l-opportunita’ sabiħa biex juru sens ta’ altruwizmu u wera t-tama li dawk li jiġu warajhom ikomplu din il-kultura li wieħed jgħin lill-ieħor.
Bħala parti mill-programm taċ-ċerimonja kien hemm tableau animat dwar il-ħajja u l-ħidma ta’ Dun Mikiel, il-ħabib ta’ kulħadd.