• Nhar il-Ħamis li ġej, 31 ta’ Marzu 2016, ser issir Ċelebrazzjoni Djoċesana għat-tfal bħala parti mill-attivitajiet tal-Knisja f’Malta għall-Ġublew tal-Ħniena. Din l-attività ser tittella’ mill-Kummissjoni Djoċesana Tfal. L-attività tibda fid-9.00 a.m. fil-pjazza ta’ quddiem il-Katidral tal-Imdina u għaliha mistiedna jipparteċipaw it-tfal kollha mill-gruppi u għaqdiet reliġjużi.
    Iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana tibda b’attività interattiva għat-tfal fil-pjazza, fejn ser issir ukoll spejga mill-Arċisqof Charles J. Scicluna dwar il-Ġublew u l-Bieb tal-Ħniena. Wara, it-tfal ser jgħaddu flimkien mal-Arċisqof mill-Bieb tal-Ħniena tal-Katidral u jingħaqdu miegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Il-Quddiesa ser tkun animata mit-tfal stess u ser tkun imħejjija mill-Kummissjonijiet tat-Tfal tal-irħula tal-Fgura, l-Iklin, Marsascala, ir-Rabat u Ħad Dingli. Il-kant matul din l-attivita’ ser jitmexxa mill-Jubilate Choir.