
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’din is-silta mill-Evanġelju li qrajna llum, u li tinqara fil-knejjes kollha madwar id-dinja, Ġesù jagħmel fejqan ieħor minn ħafna episodji ta’ fejqan li wasslulna l-erba’ Evanġelji. Jinsisti li Hu lest ifejjaq fir-ruħ u fil-ġisem, kemm matul il-ġimgħa u kif ukoll nhar ta’ Sibt. Is-Sibt għal-Lhud, kien il-jum qaddis, fejn inti trid tistrieħ, ma tagħmilx xogħol ta’ ħidma u ta’ strapazz, u li trid tiddedikah għall-Mulej. Imma għal Ġesù, il-fejqan tal-bniedem, huwa sinjal tal-imħabba ta’ Alla; huwa sinjal tal-qawwa ta’ Alla.
Intom tgħiduli, allura għax ma jfejjaqniex kollna kemm aħna, u mmorru ’l hemm? Għaliex qegħdin hawn? M’għandix risposta għal din id-domanda. M’għandix risposta għall-marda tiegħek. Li nixtieq bil-preżenza tiegħi mingħajr ħafna diskors, bit-talb tiegħi u bil-kelma tiegħi, lil kull wieħed u waħda minnkom: kemm min qiegħed hawn għax marid u kemm min qiegħed hawn għax qed jakkumpanja lil xi ħadd għażiż, nagħmlilkom kelma ta’ kuraġġ.
Ejjew nintelqu f’idejn Alla! Ejjew nifhmu x’għallimna nitolbu fil-Missierna: l-ewwel nett qalilna biex nitgħallmu li lil Alla nittrattawh ta’ Missier. Qalilna biex nitolbu lil Alla, li sseħħ ir-rieda tiegħu. Qalilna wkoll nitolbuh, il-ħobżna ta’ kuljum. Imma tindunaw li ma għallimniex nitolbu li nfiqu dejjem. Anzi Iżaija, meta jitkellem fuq Ġesù, jgħid: “rafa’ fuqu l-mard tagħna” (Iż 53:4).
Fil-qari, li ta’ kull sena naqrawh fil-Ġimgħa l-Kbira, qabel il-bewsa tas-Salib Imqaddes, niftakru f’din il-profezija ta’ Iżaija: “rafa’ fuqu l-mard tagħna” (Iż 53:4). Allura meta ngħaddu mill-mard u jkollna nagħmlu operazzjoni; l-ewwel nett nirrealizzaw, li għandna kemm għandna arja, aħna m’aħna xejn. Nitolbu ħafna għal min ikun qiegħed jikkurana, u fl-istess ħin ngħidulu: jekk tixtieq tfejjaqni, jiena ngħidlek ‘iva’, niffirmalek. Kellmuh lill-Mulej, jekk tixtieq tfejjaqni, m’hemmx għalfejn titlobni, niffirmalek malajr. Imma tkun magħmula r-rieda tiegħek. Jien qiegħed/qiegħda hawn għax nixtieq infiq. Għalhekk nitolbu ħafna, anke għax-xjenza.
F’Mejju kont Istanbul. Kien hemm il-Patrijarka Ekumeniku. F’ħin minnhom tfixkilt fil-pedana li jkollu, u f’ħabta t’għajn, ċarrat it-tender tal-irkoppa; u kellhom joperawni. Ma bbukkjajthiex din l-operazzjoni. Imma f’ħin minnhom, min jieħu ħsiebi għal ftit training li nagħmel, qalli: kieku ma kienx hawn l-operazzjoni, inti mmankat għal għomrok, għax ma tkunx tista’ tilwi l-irkoppa. Xorta nara l-istilel meta tiġi l-fiżjoterapista. Imma tirrealizza l-kobor tax-xjenza, il-fatt li inti f’idejn ħaddieħor, u li ma tafx x’se jiġri minnek. Min jibbukkja d-dulur? Min jibbukkja l-uġigħ? Ħadd!
Allura trid titgħallem li l-ħajja teħodha kif tiġik, u taċċetta l-mument tal-mard, tal-isptar; il-mument li qed tiddependi fuq ħaddieħor. Fl-istess ħin tirrealizza l-imħabba u l-kura tan-nies ta’ madwarek, x’differenza kbira tagħmel. Tikkonfermaw dak li tgħallimt jien, li meta tgħaddi minn dawn il-mumenti, tirrealizza min hu ħabib tassew? Min iħobbok tassew! Min verament jinkwieta għalik tassew! Dawn ikunu mumenti fejn il-ħajja tiftaħlek għajnejk u qalbek, biex tara r-realtà kif inhi! Għax meta tkun f’saħħtek totalment, kulħadd jidħaklek; meta mbagħad tkun fil-bżonn: a friend in need, is a friend indeed. U dawn huma affarijiet li jgħallmuna ħafna affarijiet fuq il-ħajja. Tirrealizza wkoll kemm il-ħajja hija prezzjuża. Hemm espressjoni fis-salm, dejjem kienet tolqotni, u iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed tolqotni: “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna” (Salm 90:12). Ma nafux kemm huma, imma qed jgħidlek is-Salm: kull ġurnata apprezzaha, kull tgħanniqa apprezzaha, kull telefonata apprezzaha, kull messaġġ apprezzah.
Jiena nafdakom f’idejn il-Mulej u f’idejn Omm Ġesù. Nitlob ħafna għalikom, u nitlobkom ukoll titolbu għalija. Nixtieq ukoll, li kull meta niġi hawn, niftakar fil-benefatturi li għamlu din il-binja, u dak kollu li jsir possibbli: nitolbu għalihom ukoll. Nitolbu għal tant benefetturi, li stajna konna aħna, li taw id-donazzjoni tagħhom lill-Putinu Cares, lill-Community Chest Fund; ta’ tant nies li jagħmlu anke din il-kura speċjalizzata possibbli.
Ejjew issa nafdaw ħajjitna, il-futur tagħna, il-professjonisti li qed jieħdu ħsiebna, il-carers li qed jieħdu ħsiebna kemm hawn u kemm Malta u Għawdex f’idejn il-Mulej, u f’idejn Ommna Marija, saħħa tal-morda.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
L-Ewwel Qari: Fil 1:1-11
Responsorju: S 110 (111):1-2,3-4,5-6
L-Evanġelju: Lq 14:1-6




