
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, ħatar lil Patri Effie Mallia OFM Cap bħala Amministratur Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Sidtna Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann. L-Arċisqof irringrazzja lil Patri Bertrand Vella OFM Cap għall-ħidma pastorali u d-dedikazzjoni tiegħu bħala kappillan tal-istess parroċċa matul dawn l-aħħar snin.
Patri Effie Mallia twieled fil-11 ta’ Lulju 1951 fil-Marsa. Daħal fl-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini fil-11 ta’ Awwissu 1968 u għamel in-novizzjat tiegħu fil-kunvent tar-Rabat f’Għawdex. Fis-26 ta’ Ġunju 1977 għamel il-voti perpetwi fl-istess Ordni u fit-12 ta’ Frar 1978 ġie ordnat saċerdot.
Wara l-ordinazzjoni saċerdotali, Patri Effie kompla l-istudji tiegħu f’Ruma, fejn kiseb il-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali.
Tul is-snin, wettaq diversi rwoli ta’ servizz pastorali, fosthom bħala gwardjan ta’ diversi kunventi, viċi kappillan, kappillan fil-Parroċċi tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa u San Ġwann, membru tal-Kunsill Provinċjali, Vigarju Provinċjali u Provinċjal.
Dan l-aħħar, Patri Effie Mallia kien membru tal-fraternità tal-Furjana, fejn kien qed jaqdi l-ministeru ta’ gwardjan.




