L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Kien 135 sena ilu meta fl-Ewropa bdiet tiġi ċċelebrata ġurnata msejħa “Jum il-Ħaddiem” f’ċerti postijiet. U kien 135 sena ilu, fl-istess sena, meta l-Papa Ljun XIII kien ħareġ enċiklika fuq San Ġużepp fejn, fost l-oħrajn, juri kif San Ġużepp huwa ispirazzjoni, mudell għall-ħaddiema.

Il-Festa tal-Ewwel ta’ Mejju bħala festa ddedikata lil San Ġużepp Ħaddiem ġiet iktar tard, kważi sebgħin sena ilu, fl-1955, mill-Papa Piju XII. U l-ħsieb huwa li aħna nħarsu lejn dan il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, li kellu sehem daqshekk importanti fl-Istorja tas-Salvazzjoni, u naraw dak li hu jurina, jgħallimna, jispirana fih għall-ħajja tax-xogħol.

Jibqa’ rilevanti fi żminijiet li nbidlu

Forsi llum il-mistoqsija tkun: imma tant snin wara, il-ħajja nbidlet anke fil-qasam tax-xogħol! U jekk tħares lejn San Ġużepp bħala mastrudaxxa, anke fil-qasam tax-xogħol tal-injam, tant inbidlet il-ħajja! Illum jaraw kollox fuq l-iscreen biex jippjanaw, hawn ħafna magni, illum mexjin iktar u iktar – ġa daħlet imma se tidħol aktar fil-qasam tax-xogħol – lejn l-intelliġenza artifiċjali li hija sfida għalina lkoll, avolja l-ikbar sfida tibqa’ dejjem l-injuranza umana aktar milli l-intelliġenza artifiċjali. Illum nistgħu nħarsu lejn San Ġużepp u xorta jkun ta’ ispirazzjoni għalina?

Naħseb li hu ħafna, u jibqa’ ħafna, ta’ għajnuna u ta’ eżempju għalina. Ħa nsemmi tliet punti marbuta miegħu bħala ħaddiem.

Jaħdem f’xogħol ordinarju

L-ewwel nett, San Ġużepp kien mastrudaxxa. Hawnhekk fl-Evanġelju lil Ġesù jirreferu għalih hekk; jgħidu: “Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa?” (Mt 13:55) Qishom qed jgħidu: dan mhux xi ħadd daqshekk kbir! Dan bin mastrudaxxa! 

San Ġużepp qeda l-missjoni tiegħu ta’ ħaddiem bħala mastrudaxxa. Hawn diġà għandna messaġġ importanti għall-ħajja tagħna: kull tip ta’ xogħol, utli u ta’ ġid għas-soċjetà, għandu jkun apprezzat. Ma għandniex naqsmu x-xogħol: dak xogħol importanti u xogħol ieħor li lanqas tqisu. Aħna għandna napprezzaw ix-xogħol ta’ kull ħaddiem u ħaddiema – kemm jekk magħmul minn Maltin, kif ukoll jekk magħmul minn barranin li qegħdin Malta: Indjani, Filippini, minn Nepal, minn tant postijiet. Illum jagħmlu tant xogħol! 

Aħna għandna napprezzaw ix-xogħol li jagħmel kull ħaddiem u li tagħmel kull ħaddiema għall-ġid tas-soċjetà. Kemm bi kliemna kif ukoll bl-attitudni tagħna għandna nuru dan l-apprezzament għaliex kull xogħol għandu valur, u l-valur jiksbu proprju għax qed jagħmlu l-bniedem. Id-dinjità qiegħda fil-fatt li qed jagħmlu l-bniedem. Għandna napprezzaw kull tip ta’ xogħol.

Jiżviluppa t-talenti u jaħdem għall-ġid tal-familja

Meta nħarsu lejn San Ġużepp, narawh jaħdem bħala mastrudaxxa u jiżviluppa t-talenti tiegħu għall-ġid tal-familja, għall-ġid tas-soċjetà. Għalhekk għandna niftakru li dan hu l-iskop tax-xogħol: ix-xogħol jgħinna biex fejn nistgħu nkunu kreattivi, nissieħbu ma’ Alla l-Ħallieq billi noħolqu. Niżviluppaw it-talenti tagħna u nagħmlu dan biex niżviluppaw lilna nfusna kif irid Alla, u nagħmlu dan għall-ġid tal-familja tagħna u għall-ġid tas-soċjetà.

Ix-xogħol qatt ma għandu jkun għan fih innifsu li jixroblok il-ħajja tiegħek u ma jħallilekx ħin, imbagħad, għal dawk qrib tiegħek, għal dawk li tgħix magħhom il-ħajja ta’ kuljum. Ix-xogħol qatt ma għandu jkun lanqas mezz biex tikseb flus b’mod li l-flus jiġi l-ewwel għan: taħdem biex ikollok, biex ikollok, biex ikollok. Jekk jiġi hekk, qed jaljenak minn dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja.

San Ġużepp għaraf jaqdi d-dmirijiet tiegħu fix-xogħol flimkien mal-imħabba tiegħu lejn il-familja u l-missjoni li kellu speċjali fi ħdan il-familja.

Jerfa’ r-responsabbiltà

San Ġużepp dejjem kien bniedem responsabbli. Qeda dmiru b’responsabbiltà fil-qasam tax-xogħol u fil-qasam tal-familja. Għaraf jerfa’ r-responsabbiltà li kellu. Anke meta kienet diffiċli. Bl-għajnuna ta’ Alla, u bid-dawl li kellu minnu, għaraf jieħu azzjoni ta’ responsabbiltà. Anke meta kellu bżonn jieqaf mix-xogħol għal żmien biex jipproteġi l-familja, bħalma għamel meta mar l-Eġittu biex jipproteġi lil ibnu, hekk għamel.

Hu bniedem li għaraf jerfa’ r-responsabbiltà. Kemm hi importanti din għalina llum għall-ħajja tagħna! Li aħna nagħrfu nerfgħu r-responsabbiltà li għandna. Ma nfarfruhiex fuq ħaddieħor, ma naħarbux minnha, imma nagħrfu nerfgħu n-responsabbiltà. Kemm f’affarijiet ta’ kuljum, kemm f’mumenti speċjali.

Ħu, per eżempju, fil-postijiet tax-xogħol. Min għandu r-responsabbiltà li jieħu l-miżuri kollha biex ħadd ma jweġġa’ għalxejn, biex ma jkunx hemm inċidenti fil-post tax-xogħol, għandu jerfa’ din ir-responsabbiltà. L-istess min jaħdem u jrid jilbes ċertu lbies protettiv biex iħares lilu nnifsu, il-ħajja tiegħu, waqt li jaħdem, għandu jerfa’ din ir-responsabbiltà. L-istess fit-toroq. Tafu intom li kultant ikun hemm xi triq maqlugħa biex jgħaddu xi cables. Hu importanti li min għandu jieħu l-miżuri kollha ħalli joħloq l-inqas inkonvenjent għan-nies, jieħu dawn il-miżuri. Dan qed nifhem meta ngħid li wieħed jerfa’ r-responsabbiltà. Min għandu jieħu passi, jieħu l-passi neċessarji biex jerfa’ r-responsabbiltà li għandu. 

San Ġużepp f’dan kollu jgħallimna ħafna. Meta nħarsu lejh, nindunaw li dal-bniedem li għex tant snin ilu għandu llum ħafna x’jgħallimna u għandu jkun ta’ ispirazzjoni għall-ħajja tagħna.

Nitolbu llum lil San Ġużepp Ħaddiema għall-ħaddiema, għal dawk kollha li huma impenjati fil-qasam tax-xogħol, għal dawk kollha li jaħdmu favur id-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiema. Nitolbu għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għaddejjin minn tbatija fix-xogħol tagħhom. Nitolbu li l-valuri li jurina hu nkomplu ngħixuhom f’kull qasam f’ħajjitna, inkluż fil-qasam tax-xogħol, ħalli jkompli jkun ta’ mudell, ta’ ispirazzjoni għalina fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju