L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem biex taħseb fih?” Hekk għedna lill-Mulej fis-Salm illum aħna u nfaħħruh u ngħidulu: “Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!”

Dan hu t-tifħir li nagħtu lill-Mulej illum fis-solennità tat-Trinità Qaddisa. Aħna nfaħħru l-isem ta’ Alla, kbir fl-art kollha, Alla li hu t-Trinità – il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Hu dan l-isem ta’ Alla li nsejħu kontinwament meta rroddu s-salib, u li nsejħu wkoll f’ħafna mit-talb tal-quddiesa, u dan ukoll li nfaħħru meta ngħidu: “Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu”.

Oċean li tazza ma tesgħux

Xi jfisser Alla Trinità? Aħna għandna moħħ ċkejken li ma jista’ qatt jifhem bis-sħiħ il-kobor ta’ Alla – qisu oċean li b’ebda mod ma tista’ tqiegħdu f’tazza. Imma dak li jgħarrafna fl-Evanġelju Ġesù, li spiss jitkellem fuq il-Missier u fuq l-Ispirtu s-Santu – bħalma smajnieh fl-Evanġelju tal-lum – hu biżżejjed biex nagħrfu li Alla hu l-milja tal-imħabba, u t-Trinità hi din il-festa sħiħa ta’ mħabba. Fit-Trinità hemm il-komunjoni sħiħa, u ċ-ċelebrazzjoni tal-unità fid-diversità.

Imma t-Trinità hi wkoll il-ħajja ta’ Alla għalina, għax l-imħabba tiegħu tfur lejna. Lilna Alla jħobbna u jrid iseħibna miegħu f’din il-ħajja tiegħu. Ħalaqna xbieha tiegħu, b’mod li nilħqu tassew il-milja f’ħajjitna meta nħobbu u nkunu maħbuba. Hi din l-esperjenza ta’ mħabba li tgħinna ngħixu l-ħajja ta’ Alla Trinità ġewwa fina. Hi din is-sejħa li aħna għandna li ngħixu ħajjitna tassew bħala xhieda ta’ din l-imħabba kbira ta’ Alla fina, li naqsmuha mal-oħrajn.

Jiftakar fina, jaħseb fina

Alla jħobbna, iħobb lil kull wieħed u waħda minna. Għalhekk hemm dak l-istagħġib fis-Salm: “x’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem biex taħseb fih?” Fi kliem ieħor: int li int Alla kbir, tibqa’ tiftakar u tieħu ħsieb il-bniedem ċkejken – tiftakar u taħseb fih. Hi din l-imħabba bla tarf li turi ruħha f’esperjenza sabiħa: Alla ma jabbandunaniex, ma jitlaqniex waħedna. Jiftakar fina, jaħseb fina, għax għalih kull wieħed u waħda minna niswew ħafna.

Marija, dik li tnissel fiha l-Iben ta’ Alla, kellha l-isbaħ esperjenza ta’ din l-imħabba, tal-fatt li Alla qatt ma jabbanduna lill-bniedem. L-innu tagħha hekk magħruf, il-Magnificat, jixbah ħafna l-innu tas-Salm: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.” Marija tgħid li l-Mulej xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu – araw il-kobor ta’ Alla u ċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu –  u tesklama: “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar, qaddis hu l-isem tiegħu”. Fi kliem ieħor: kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!

Omm li turina: Alla qatt ma jitlaqna waħedna

Hawnhekk, fil-Wardija, Marija hi ċċelebrata bħala l-Madonna tal-Abbandunati. Hi s-sinjal qawwi, għalina lkoll imma speċjalment għal dawk li huma abbandunati mill-oħrajn fi żminijietna, li Alla qatt ma jabbanduna lil ħadd. Marija hi l-omm li twassal kontinwament dan il-messaġġ: Alla jaħseb fina, Alla jiftakar fina, Alla qatt ma jitlaqna waħedna, qatt ma jabbandunana.

Fejn hemm ħajja umana ġdida, qatt ma għandna ngħidu: ‘din naċċettawha, kollox sew; imma din le, għax għandha xi difett partikulari’

Mill-Wardija llum trid twassal ukoll dan il-messaġġ sabiħ lilna u lilkom ilkoll li qed issegwu din il-quddiesa. Naf li hemm minnkom waħedkom, jew ma’ oħrajn imma tħossukom waħedkom. Naf li hemm min iħoss li ħadd ma jiftakar fih, ħadd ma jaħseb fih. Imma din l-omm li tieħu ħsiebna hi sinjal għal kulħadd, u speċjalment għal min għaddej minn tbatija: m’intix waħdek, m’intix abbandunat, il-Mulej hu miegħek, jiftakar fik, jaħseb fik, iħaddnek.

Qatt ma nabbandunaw ħajja umana ġdida

Marija twassal ukoll messaġġ ieħor importanti lilna: biex bħalha nkunu wkoll mal-oħrajn strumenti ta’ din l-imħabba ta’ Alla, u lill-oħrajn inwasslulhom b’ħajjitna u bi kliemna dan il-messaġġ sabiħ: il-Mulej hu miegħek, il-Mulej iħobbok. Il-festa tal-Madonna tal-Abbandunati lilna tħeġġiġna biex qatt ma nwarrbu lil ħadd, qatt ma nħallu lil xi ħadd ibati waħdu jew waħedha, qatt ma nabbandunaw lil ħadd.

Il-festa tal-Madonna tal-Abbandunati lilna tħeġġiġna biex qatt ma nwarrbu lil ħadd, qatt ma nħallu lil xi ħadd ibati waħdu jew waħedha, qatt ma nabbandunaw lil ħadd

Għalina kull ħlejqa umana tibqa’ għażiża. Tfakkarna li din l-għożża trid tibda proprju mill-bidu nett, mhux minn ftit wara, mill-bidu nett tal-ħajja umana. Għalhekk, fejn hemm ħajja umana ġdida, anke meta għadha ċkejkna ħafna u ma tidhirx imma ġa hemm ħajja umana, hi ħajja li rridu ngħożżu.

Fejn hemm ħajja umana ġdida, qatt ma għandna ngħidu: ‘din naċċettawha, kollox sew; imma din le, għax għandha xi difett partikulari’. Lil din li għandha d-difett ma nistgħux inħalluha, nitilquha, forsi ’l quddiem xi ħadd jaċċettaha. Fejn hemm ħajja umana li diġà bdiet, fejn hemm diġà l-bniedem, ma nistgħux nagħżlu bejn min jista’ jgħix u min joqgħod fil-ġenb jistenna forsi xi ħadd jaċċettah. Qatt ma nistgħu nabbandunaw ħajja umana ġdida. Kif jgħallimna l-Mulej, kull ħajja hi għażiża, u kull ħajja ġdida għandha tkun imħarsa b’mod sħiħ.

“X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem biex taħseb fih?” Mulej, bħalma int tiftakar fina u taħseb fina, u qatt ma tabbandunana, agħmel li aħna wkoll bħalek dejjem ikollna għożża lejn kull bniedem, b’mod speċjali lejn iċ-ċkejknin u l-vulnerabbli. Aħna u niċċelebraw din il-festa tat-Trinità Qaddisa, il-milja tal-imħabba, fakkarna li aħna maħluqin xbieha tiegħek biex inwasslu din l-imħabba lill-oħrajn. Agħtina l-grazzja li nkunu bħal Marija biex bħalha ma nabbandunaw lil ħadd, u biex dawk li jħossuhom abbandunati jsibu fina sens ġdid ta’ mħabba li tħaddanhom.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju