L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għeżież tfal, l-ewwel nett grazzi ħafna talli ġejtu llum fil-Bażilika tal-Mosta biex flimkien nagħmlu din il-mixja sabiħa, f’din is-sena speċjali. Din is-sena hi speċjali għax il-Papa Franġisku jixtieq li din is-sena fiha nagħmlu festa kbira ta’ ħniena. Tgħidli xi tfisser?
L-ewwel nett nitgħallem naħfer; jekk ikun hemm xi ħadd idejjaqni nieħu paċenzja; jekk ikun hemm xi ħadd jagħmilli l-ħsara, ninsa malajr u nkompli bil-ħajja tiegħi. Ġesù meta għallimna nitolbu, għallimna hekk: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Din hi l-festa tal-ħniena li aħna ngħixu din it-talba li għallimna Ġesù. Għalhekk, l-ewwel nett, lil Alla nitolbuh jaħfrilna dnubietna. Tgħiduli, tagħna kollha żgħar id-dnubiet. Żgħar u kbar, aħna nduru lejh, u ngħidulu: ‘Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla’. Anke jekk ma obdejtx lill-mamà jew lill-papà, jew m’għamiltx il-homework, jew qomt naqra tard; jew tgħażżint; jew inkella fil-lezzjoni ma qgħadtx attent; tgħiduli dawn mhumiex dnubiet kbar! Veru! Imma Ġesù jridna nikbru fl-imħabba kuljum – festa kbira ta’ ħniena. “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12)
Illum qegħdin nagħmlu wkoll festa kbira għax qed infakkru meta dawn it-tliet Slaten Maġi; aħna ngħidulhom li kienu tlieta għax kellhom tliet rigali, ġew mill-bogħod ifittxu lis-sultan tal-Lhud.
Araw x’qalulu lil Erodi: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa u ġejna nqimuh” (Mt 2:2). Mela dawn kienu nies attenti ħafna. Malli raw kewkba speċjali, u indunaw li kienet sinjal għalihom, telqu minn fejn kienu, bdew vjaġġ twil ifittxu lil dan is-sultan. Għaliex riedu jiltaqgħu miegħu? Biex iqimuh. U tant riedu jqimuh li magħhom ġabu rigali prezzjużi ħafna. Tafu x’inhuma? Deheb, inċens u mirra.
Ġesù jridna nikbru fl-imħabba kuljum – festa kbira ta’ ħniena.
L-għorrief tal-Knisja ħasbu ftit, imma xi tfisser din li lil Ġesù tarbija, dawn in-nies għorrief tal-Lvant, tawh dawn ir-rigali. Jgħidulna: deheb għax sultan, inċens għax hu Alla, u l-mirra għax tintuża fid-difna, għax hu bniedem li jmut. U fl-istess ħin, dawn it-tliet rigali mogħtija lil Alla li hu mħabba: lir-Re tar-rejiet, li hu Re tal-imħabba, Re tal-qlub tagħna. Lil Alla li hu mħabba, li ħalaqna, fdiena, u ridilna l-ferħ ta’ qalbna. Lil Alla bniedem li tant iħobbna. “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3:16), bħala bniedem, mhux biex jikkundanna lid-dinja, iżda “biex kull min jemmen fija ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).
Mela jiena nissuġġerilkom li din is-sena, 2025, nagħmlu ħilitna, biex kuljum nagħmlu att ta’ mħabba. Filgħodu xħin tqum, għid: jiena se nagħmel att ta’ mħabba. Ngħin lil mamà u l-papà, nobdi iżjed, nieħu ħsieb lil sħabi, kelma kontra xi ħadd ma ngħidhiex; meta nitkellem, nitkellem biss tajjeb fuq in-nies. Kemm tkun aħjar kieku d-dinja kieku nagħmlu hekk! Ejjew nippruvaw nifhmuha l-aħwa, meta nippruvaw nitkellmu fuq xulxin, ngħidu biss it-tajjeb. Kemm tkun sabiħa kieku d-dinja, kieku nagħmlu hekk. Ilkoll kemm aħna! Meta nitkellmu fuq xulxin, ngħidu biss it-tajjeb. U din inti tista’ tagħmilha: tista’ taħfer, tista’ tħobb, tista’ tgħin.
Jiena naf tfal, u nirringrazzjahom tal-eżempju sabiħ, li anke bil-pocket money li jkollhom, ifaddlu xi ħaġa ċkejkna, ħa jgħinnu lil ħaddieħor. Kemm hi ħaġa sabiħa. Anke lejn l-aħħar tas-sena, fl-iskejjel ikun hemm il-karus għall-Community Chest Fund. Imma matul is-sena wkoll, nistgħu naħsbu f’xi ħadd li għandu bżonn. Kemm tkun ħaġa sabiħa.
Xi ħaġa oħra, l-aħħar ħsieb. Nagħmlu ħilitna biex niltaqgħu ma’ Ġesù kull nhar ta’ Ħadd. Illum ġejtu! Kemm hi ħaġa sabiħa li ġejtu. Imma Ġesù jistenniekom kull nhar ta’ Ħadd. Tgħidli jiena l-Ħadd ma nkunx nista’. Mela ejja s-Sibt filgħaxija. Imma l-mamà u l-papà għidilhom, jiena nixtieq niltaqa’ ma’ Ġesù. Mhux biżżejjed narah man-nanna fuq it-televiżjoni. Tajjeb li aħna niġu l-Knisja u nkunu ma’ Ġesù. Kemm hi ħaġa sabiħa din f’din is-sena! Imma għidulhom lill-ġenituri kemm tkun ħaġa sabiħa li mmorru flimkien il-quddies. Jekk ma tkunux tistgħu tiġu flimkien, tiġu ma’ tal-Mużew, mal-katekisti.
Agħmlu ħilitkom b’mod speċjali dawk li għamlu l-ewwel tqarbina. Għax min irċieva l-Ġesù fl-Ewkaristija, kemm hi ħaġa sabiħa li titqarbnu almenu darba fil-ġimgħa, nhar ta’ Ħadd. Hawn tfal bravi ħafna li jagħmlu ħilithom li jiġu l-quddiesa kuljum. Tgħidli: jiena ma nistax. Ma jimpurtax, għid talba, imqar Sliema u Qaddisa kuljum. Ma ninsewx nitolbu almenu darba kuljum. U din is-sena, tkun sena speċjali. Mela biex nirrepetu dik it-talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla’.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 60:1-6
Salm: 71 (72):1-2,7-8,10-11,12-13
Qari II: Ef 3:2-3a. 5-6
L-Evanġelju: Mt 2:1-12