L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-qari li għadna kemm smajna, li qraw uħud minn sħabkom, jispjegalna l-festa li qegħdin nagħmlu llum, festa kbira ħafna, għax fiha d-dixxiplu ta’ Ġesù li kienu kollha beżgħanin, magħluqin f’kamra waħda, jidhrulhom żewġ sinjali: ilsna tan-nar fuqhom u riħ qawwi. U jinżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Ġesù. Dak li se jinżel fuqkom illum bid-dilka u tqegħid tal-idejn u t-talba tal-Isqof, mhux b’mod sensazzjonali: fis-skiet, fis-silenzju ta’ kif jaħdem Alla fina. It-talba tiegħi llum għeżież żgħażagħ hi li intom tħallu l-ispirtu ta’ Ġesù jaħdem fikom u jwassalkom għat-tajjeb.

Fit-tieni qari smajna lil San Pawl Appostlu missierna jagħmlilna għażla: bejn il-ħażin u l-Ispirtu Qaddis ta’ Ġesù – l-Ispirtu s-Santu. Jekk naraw il-frott tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu s-Santu hu dak li fil-qalb tagħna, fir-ruħ tagħna jnissel dak kollu li hu tajjeb, dak kollu li hu sewwa, dak kollu li hu ġust, dak kollu li hu safi, dak kollu li jfisser rażan jew self control, kif ngħidu bl-Ingliż llum – l-Ispirtu tal-Imħabba veru.

Illum fil-festa tal-Għid il-Ħamsin, dan l-awgurju li nagħmlilkom: tkun xi tkun il-vokazzjoni tagħkom, intom tagħżlu dejjem l-imħabba veru. Il-Mulej jagħtikom il-grazzja li tiltaqgħu ma’ min iħobbkom tassew fil-ħajja. Għax hemm min jgħidlek li jħobbok u jidħak bik. Il-Mulej jagħtikom din il-grazzja, għax intom ma tistgħux tħobbu fil-vojt. L-imħabba trid qalb oħra. Bil-Malti ngħidu “li kull qalb trid oħra.” Il-Mulej jagħtikom l-ewwel nett din il-grazzja li ssibu min iħobbkom tassew.

It-tieni li tiftakru dejjem li jiġri x’jiġri minnkom, tagħmlu x’tagħmlu, li Ġesù jħobbna dejjem. Aħna min aħna, dejjem se jibqa’ jħobbok. Lil Ġesù ssibu dejjem: lest biex jaħfirlek, lest biex jgħinnek, lest biex jagħmillek kuraġġ. Lest biex jgħallem kif tħobb tassew.

Lil Ġesù ssibu dejjem: lest biex jaħfirlek, lest biex jgħinnek, lest biex jagħmillek kuraġġ. Lest biex jgħallem kif tħobb tassew.

It-tielet tagħlima u l-awgurju li nagħmlilkom, li intom u tagħżlu l-vokazzjoni tagkom fil-ħajja, li tagħżlu dejjem it-triq tal-imħabba: issibu min iħobbkom, tifhmu li Ġesù jħobbkom u intom tagħżlu t-triq tal-imħabba, għax tiddependi minnek ukoll. Tgħidlix li lili ħadt ma jħobbni għax jiddependi minnek ukoll. Qegħdin tikbru, il-moħħ tagħkom qed tiżviluppa, il-qalb tagħkom ukoll. Agħżlu dejjem l-imħabba veru.

Il-qawwa li se tingħata lilkom hi qawwi spiritwali. Imma hi qawwi spiritwali u qawwija għax ġejja minn Alla: “ħu s-siġill tad-don tal-Ispirtu s-Santu” (rit tal-Griżma tal-Isqof). Illum fuq ġbienek bis-sinjal tas-salib u l-griżma li hi d-dilka biż-żejt imqaddes li jiena kkonsagrajt hawnhekk fil-Konkatidral ta’ San Ġwann f’ Ħamis ix-Xirka li għadda, tingħata fuqek din il-qawwa, fik din il-qawwa bħalma ngħatat lid-dixxipli nhar Għid il-Ħamis kif smajna tant tajjeb fil-qari li nqara lilna mill-ħabib tagħna fl-ewwel qari mill-Atti tal-Appostli.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:1-11
Salm: 103 (104):1ab,24aċ,29bċ-30,31,34
Qari II: Gal 5:16-25
L-Evanġelju: Ġw 15:26-27; 16:12-15

Aktar ritratti