Ritratt: Evan Demicoli – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nerġa’ ngħidilkom grazzi talli ġejtu hawnhekk illum u talli tagħmlu ħafna affarijiet oħrajn. U ltqajna biex nagħmlu festa, nibdew ix-xahar ta’ Mejju billi nagħmlu l-festa lil San Ġużepp Ħaddiem. Din il-festa ġġiegħelna naħsbu fuq għażla importanti tal-Mulej, li Ġesù kien isejjaħlu Missier, u għallimna ngħidulu ‘Missierna li Inti fis-Smewwiet,’ li lil Ibnu jafdah għand mastrudaxxa.

Ejjew nieqfu naħsbu, kif Alla l-Missier iħares lejna l-bnedmin, jibda jħokk rasu, jgħid x’se nagħmel b’dawn in-nies biex ix-xbieha tiegħi fihom terġa’ ssir xbieha sabiħa? Għax jiena ħlaqthom xbieha tiegħi. Imma x-xbieha tiegħi fihom ittaqbet, ddallmet, m’għadhiex sabiħa. X’se nagħmel? Nibgħat lil Ibni, li jsir bniedem, ikun wieħed bħalhom f’kollox minbarra d-dnub. Ikun l-‘Iva’ tiegħi għalihom. Huwa jgħinhom biex jgħiduli ‘Iva.’ Biex iħarsu lejh, u qaluli meta ġew ittantati mix-Xitan, u qalilhom jgħiduli, ‘le’.

Ritratt: Evan Demicoli – Arċidjoċesi ta’ Malta

U seta’ jagħżel lil dan Ibnu jibgħatu għand ir-Re, għand l-Imperatur, għand il-Gvernatur tal-Lhudija, jitwieled f’dik il-familja, biex ikollu ħajja komda. Imma le, għażel xebba sabiħa minn ġewwa, li kienet sabiħa wkoll minn barra, il-Madonna. Marija ta’ Nazaret, li kienet mgħarrsa ma’ Ġużeppi, li kien mastrudaxxa u kien raġel ġust. Kien raġel twajjeb. Ma kienx sinjur, ma kienx jgħix fil-palazz, kien mastrudaxxa. Dak iż-żmien, mastrudaxxa, kien ikun qisu handyman, jagħmel minn kollox – ix-xogħol tal-ħaddied, jagħmel in-nagħal taż-żwiemel,  jidħol fid-djar jara x’għandhom bżonn, kien bniedem importanti. Għax jekk ikollok bżonn xi ħaġa ssejjaħ lit-teknos, lill-mastrudaxxa.

Mhux ‘il bogħod minn Nazaret kien hemm belt kbira – Zeppolis. X’aktarx li San Ġużepp kien ikollu ħafna xogħol f’dik il-belt. Kienet belt kważi bħal tagħna. Dan il-ħaddiem tant kien ikollu nies, jiltaqa’ ma’ ħafna nies. Kien bniedem onest, li tafdah, u bniedem bieżel. U l-Mulej Alla afda lil Ibnu u lil Ommu għand dan ir-raġel – San Ġużepp Ħaddiem.

San Ġużepp Ħaddiem mhux biss jgħallimna l-bżulija imma l-bżonn li għandna nkunu bieżla. Mela tkun xi tkun is-sejħa li jkollok, nispera li fost is-subien hawnhekk ikollna minnkom li jkollhom is-sejħa li tilħqu saċerdoti u l-bniet li tkunusorijiet jew katekisti. Aħsbu f’din il-ħaġa. Imma tkun xi tkun il-vokazzjoni tiegħek, anke jekk tiżżewweġ, anzi jekk tiżżewweġ forsi jkollok bżonn taħdem iżjed! Mhux biex inbeżżagħkom imma biex navżakom. Trid tkun bieżel! Saċerdot għażżien mhux se jattirak jew tmur tqerr għandu. Lanqas soru soru għażżiena ma tattirak biex tkun bħalha.

Ritratt: Evan Demicoli – Arċidjoċesi ta’ Malta

U allura tgħidx ‘u meta nikber nkun bieżel’. Minn issa: il-homework għamiltu? Ir-risposta għiduha kollha f’qalbkom. Jekk ommok jew missierek jgħidulek: ‘is-sodda għamiltha?’ speċjalment il-kbar, għamiltha llum? Irrispondu f’qalbkom. Ommok u missierek jafu x’għamilt, imma jiena mistoqsija biss għamilt.

Minn issa nagħmlu d-dover tagħna, nagħmlu t-tajjeb, ħalli mbagħad meta tgħid ħa nistrieħ ftit, ħa niddeverti, ħa noħroġ ma’ sħabi, tieħu tassew gost. Għax dak il-mistrieħ tkun qlajtu bix-xogħol li għamilt. Ikun imbierek u bżonnjuż. Tgħallmu strieħu wkoll. Imma ma tistax tistrieħ jekk ma taħdimx. Min hu għażżien m’għandux bżonn jistrieħ, imma lanqas igawdi l-mistrieħ tiegħu. San Ġużepp jgħallimna l-bżulija. Mela meta tiltaqgħu miegħi jew ma’ saċerdot ieħor u jistaqsik għandekx vokazzjoni – trid tistudja. Agħmel id-dover tiegħek. L-istudju mhux ta’ lejlet l-eżami!

San Ġużepp Ħaddiem jgħallimna wkoll il-fedeltà, li inti tajt kelma u żżommha. Li min jitlaqa’ miegħek iħoss li jista’ jafdak. U dan nitlob fuqkom ilkoll illum, li tagħmlu x’tagħmlu fil-ħajja tkunu nies li tispiraw fiduċja ma’ min jiltaqa’ magħkom, u jgħid: ‘din il-persuna nista’ nafdaha, nista’ naqsam ħajti magħha, mhux tpaċpaċ fuq dak li għidtilha.’ Jekk nagħmlu wegħda nkunu nies tal-kelma u nħobbu lil xulxin.

San Pawl jgħidilna din il-kelma sabiħa llum fis-silta li smajna fl-ittra tiegħu lill-Kolossin, “Kulma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom” (Kol 3:24), agħmluh għall-imħabba, agħmluh f’isem il-Mulej Ġesù. U roddu ħajr lil Alla permezz tiegħu. Li tagħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, il-modi tiegħu. Hu ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi. L-umiltà tiegħu, bil-ħlewwa. Ġesù qalilna, “Jien ta’ qalb ħelwa u umli.”

Illum l-ewwel ġimgħa tax-xahar ta’ Mejju. X’qalilna Ġesù fuq il-qalb tiegħu, “Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29) U qalilna wkoll, “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Imma jekk trid tkun bħal Ġesù ftakar li xħin tkellem fuq il-persuna u l-qalb tiegħu, ftakar x’tagħmel inti. Il-qalb mhix biss il-muskoli li jħabbat, li jpoġġi l-ossiġnu lid-demm, imma l-qalb huwa inti. Inti ta’ qalb tajba jew qalbek ħażina? Allaħares qatt! Ftakar kif Ġesù ddeskriva lilu nnifsu. Hu qalilna wkoll, “Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). 

It-tielet u l-aħħar ħsieb. Aħna u nippruvaw nifhmu Alla xi jrid minna, ma nistgħux nifhmuha din il-ħaġa jekk ma nkellmuhx, u ma nisimgħuhx. Tgħidli, ‘Kif se nkellmu lil Alla?’ Hawnhekk hawn Ġesù fl-Ewkaristija – Ġesù ħaj. Dak li hemm fil-qalb tiegħek, fis-skiet, għidulu. Għidlu: ‘Ġesù, jiena nkwetat/a, ferħan/a li għaddejt mill-eżami u grazzi talli għintni, jew stajt ħdimt aħjar.’ Itolbu għal min fil-familja għandu bżonn xi ħaġa speċjali minħabba l-mard jew id-don tal-ħajja.

Ritratt: Evan Demicoli – Arċidjoċesi ta’ Malta

Nixtieq nirringrazzja wkoll lil dawk li jieħdu ħsiebkom. Nixtieq ukoll li nitolbu ħafna għall-vokazzjonijiet. Għax Ġesù meta ra li l-bżonn li jibqa’ sa l-aħħar taż-żmien, qal: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema huma ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Mt 9:37-38). Jibgħat ħaddiema mhux imperaturi. L-imperaturi narawhom għaddejjin u jibqgħu għaddejjin. Il-presidenti kbar ta’ din id-dinja, mhux dawk. Jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.

U la wegħedna li jibgħat ħaddiema, allura mela nitolbu ħafna lil San Ġużepp biex il-Mulej isib nies bħalu, ħalli jaqdu lill-Mulej fost ħaddieħor, nies fidili u ta’ qalb ħelwa u umli.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Kol 3:14-15,17,23-24
Responsorju: Salm 89:2-4,12-14,16
L-Evanġelju: Mt 13:54-58

Ritratt: Evan Demicoli – Arċidjoċesi ta’ Malta

Aktar ritratti