• All is Lost

  • Direttur:        J.C. Chandor
    Attur:             Robert Redford
    Ħin:                106 minuti.
     
    Klassifika taċ-Ċensura:                   12A
    Klassifika tal-Knisja:                       12A
     
    Baħri waħdu fuq jott, il-Virginia Dean, fl-Oċean Indjan jqum f’daqqa waħda meta jħoss ħabta u jisma’ l-ilma dieħel fid-dgħajsa. Isib li kontejner li waqa’ minn fuq xi vapur li kien qiegħed ibaħħar fil-qrib, kien daħal fih u għamillu toqba fil-jott tiegħu. Hekk kif jirnexxielu jsewwi kif seta’ t-toqba u jbattal l-ilma, jsib li minħabba l-ilma li kien daħal, dan għamel ħsara irreparabbli fis-sistema eletrika u għalhekk issa la seta’ juża r-radju u lanqas l-istrumenti tan-navigazzjoni. Madankollu jipprova jidderiġi l-jott lejn ir-rotta prinċipali f’dan l-oċean enormi li minnha kienu jgħaddu l-vapuri kollha li jbaħħru fih.  Sfortunatamnet, taħkmu tempesta qalila li bil-ħniena tħallih f’wiċċ l-ilma. Rizultat ta’ din it-tempesta, l-jott ikompli jintela’ bl-ilma u għalhekk kontra qalbu, jiddeċiedi li jinżel f’dgħajsa tas-salvataġġ. Ikun għal xejn meta minn maġenbu jgħaddu żewg vapuri kbar tal-kontejners. Għalkemm għamel ħiltu biex jiġbed l-attenzjoni tagħhom, kien kollu għal xejn. X’sejjer jagħmel issa hekk kif iktar ma jgħaddi l-ħin, il-jott jereq għal kollox u hu, fuq id-dgħajsa tas-salvataġġ ma kien baqagħlu xejn iktar u la ilma u l-anqas murtali biex jisparhom biex jiġbed l-attenzjoni ta’ xi vapur. Biex tkompli tigrava l-qaghda, kien jidher biċ-ċar li tempesta oħra kienet riesqa lejh.
     
    Film t’avventura li fih Robert Redford, l-uniku attur fil-film, baħri bla isem, insibuh jissielet kontra l-mewt, anke meta jidher li ma baqagħlu l-ebda tama. Għalkemm f’din il-qagħda diffiċli,  iżda jibqa’ ma’ jċedix għad-disperament. Id-direttur jagħti mportanza kbira lid-dettal u bl-użu ta’ fotografija mill-qrib, idaħħlek fis-sitwazzjoni u f’dak li jkun għaddej minnu l-baħri. Fih xeni skabrużi u xi kliem ħażin. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.