• Iffirmat ftehim ieħor bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ejjew Għandi fit-tmexxija tagħha tal-Programm Sebħ li joffri kenn lil nisa u t-tfal tagħhom li kienu vittmi ta’ vjolenza domestika. Il-Programm Sebħ jitmexxa minn Dar Qalb ta’ Ġesù ġewwa Santa Venera. 

    F’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon stqarr li l-Gvern qed ikompli jinvesti b’mod konkret, u hemm il-ħsieb li dan is-servizz jimxi għal dar oħra fiż-Żejtun, bil-possibilità li anke jiżdied in-numru ta’ residenti.

    Il-Kummissjoni Ejjew Għandi hija parti mill-Fondazzjoni għall-Opri Soċjali fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u toffri diversi servizzi fosthom xelter għall-vittmi ta’ vjolenza domestika, erbat idjar residenzjali għal tfal u adolexxenti u tgħin il-familji fil-komunità.

    Dan il-ftehim jassigura assistenza finanzjarja ta’ ’l fuq minn €600,000 fuq tliet snin, sas-sena 2020.

    Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Kummisjoni Ejjew Għandi, Andrew Azzopardi, irringrazzja lill-Gvern ta’ dan il-ftehim li minnu se jibbenefikaw il-vittmi ta’ vjolenza domestika li jinsabu fil-kura tal-Knisja. Andrew Azzopardi tkellem dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni f’oqsma soċjali oħra li fihom il-Knisja kienet preżenti sa mill-bidu nett, biex tħares lil dawk il-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

    Il-Ministru Michael Falzon qal li matul din is-sena (2018) se jiskadu disa’ PSP Agreements oħra u għaddejjin trattativi għal tlieta oħra ġodda – tnax b’kollox.

    Fi stqarrija l-Gvern qal li se jibqa’ viċin l-NGOs u l-għaqdiet kollha li jaħdmu mill-qrib ma’ persuni vulnerabbli għaliex bis-sehem tagħhom qed isalvaw il-ħajjiet filwaqt li jkomplu jagħtu direzzjoni ’l quddiem lit-tfal u adolexxenti li jinqabdu f’sitwazzjonijiet ta’ tensjoni mingħajr ebda ħtija.

     

  • Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O’Neil