L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin” (Lq 12:1). Dan hu li nsibu fl-Evanġelju llum fuq in-nies – kotra kbira ta’ nies marret biex tisma’ lil Ġesù, jew biex tkun fejnu, biex tarah. Imma qalb dawn in-nies kollha, għandna dak li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jagħtihom tassew direzzjoni kif għandhom jimxu bħala dixxipli tiegħu. Isemmi diversi punti. Ħa nsemmi xi punti li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju llum, u li jgħoddu ħafna għall-ħajja tagħna.

Ġesù jgħid: “Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b’ieħor tagħhom” (Lq 12:1). Qed jgħid Ġesù kemm hu importanti li aħna ma nkunux ingannati – noqogħdu attenti minn min jista’ jqarraq bina. Anke jekk minn barra l-affarijiet jidhru tajbin, irridu noqogħdu attenti. Għalhekk Ġesù jgħid: mill-ipokresija, mill-wiċċ b’ieħor tagħhom, tridu toqogħdu attenti. L-ewwel appell li jagħmel Ġesù lid-dixxipli u jagħmlu lilna: oqogħdu attenti mill-inganni.

Imbagħad Ġesù jgħid: “Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf” (Lq 12:2). U x’jista’ jkun moħbi? Hemm il-ħażin, u hemm it-tajjeb. Jista’ jkun moħbi dak li nagħmlu aħna li jmur kontra dak li jrid Alla. Insemmi, per eżempju, l-abbużi ta’ tip jew ieħor, il-korruzzjoni, il-frodi, il-ħasil tal-flus. Dan tista’ tagħmlu u ma jinkixifx; jekk jinkixef jagħmel agħa, imma tista’ tagħmlu int u mingħalik ħadd ma jaf. Imma Ġesù jgħid “xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx”. X’jiġifieri? Quddiem Alla xejn ma jibqa’ mistur, għax Alla jagħraf il-moħħ u l-qalb. U anke jekk inti taħbi l-affarijiet mill-oħrajn, quddiem Alla ma hemm xejn moħbi li ma jinkixifx. Għalhekk hija kelma li tant għandna niftakru dejjem fil-ħajja tagħna. 

U bħall-ħażin, huwa wkoll it-tajjeb – it-tajjeb li aħna nagħmlu u ħadd ma jaf bih. Per eżempju, li tgħin lil xi ħadd li għandu bżonn, lill-fqar, lil dawk li b’mod jew ieħor għandhom bżonn l-appoġġ u s-solidarjetà, li tgħid kelma ta’ ġid, li lill-bniedem li qata’ qalbu tagħtih inkoraġġiment. Kultant nagħmlu ħafna affarijiet ta’ ġid li ħadd ma jkun jaf bihom. Ġesù qed jgħid: l-importanti mhux li xi ħadd ikun jaf bihom, jew li jgħidulna “prosit!” Alla jagħraf il-moħħ u l-qalb, dak li hu mistur, anke dak li nagħmlu li huwa ta’ ġid.

Ġesù jgħid ukoll: “…ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem, imbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed” (Lq 12:4). Imma ibżgħu minn dawk li jtellfulkom ruħkom – fi kliem sempliċi. Dan ifakkarna ħafna fit-tifkira li qed nagħmlu llum ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja, dan il-martri tal-ewwel żminijiet tal-Knisja, li ma beżax, anke jekk spiċċa martri. Imma l-kelma tiegħu sabiħa, ta’ ġid, għadha sal-lum tidwi. Ġesù jfakkarna: ma għandniex għalfejn nibżgħu jekk aħna nagħmlu t-tajjeb. Nibżgħu jekk nagħmlu l-ħażin – hemmhekk, iva, ikollna għalfejn nibżgħu. Imma jekk nagħmlu t-tajjeb, anke jekk naqilgħu fuq wiċċna għax nagħmlu t-tajjeb, ma għandniex għalfejn nibżgħu.

Jgħid ukoll dik il-kelma importanti lilna bħala dixxipli tiegħu: li Alla jieħu ħsiebna u jħarisna. Jgħid: anke għasfur tal-bejt mhux minsi quddiem Alla – “Intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew” (Lq 12:7). Ara kemm hi sabiħa dil-kelma li għandna niftakruha! U niftakruha fil-mumenti kollha tal-ħajja tagħna, speċjalment fil-mumenti diffiċli, meta anke rridu nagħmlu ċerti għażliet diffiċli jew inbatu biex nagħmlu dak li hu tajjeb, biex nagħtu xhieda ta’ Ġesù. Niftakru: Alla jieħu ħsiebna u jħarisna. Aħna qatt ma aħna minsijin minn Alla. 

Ejjew lill-Mulej nitolbuh biex aħna ngħixu tassew dan l-ispirtu tiegħu bħala dixxipli tiegħu, u f’qalbna jkollna dejjem li Alla jieħu ħsiebna, iħarisna, għax qatt ma aħna minsijin minn Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta