Prayer of His Holiness Pope Leo XIV to the Immaculate Conception of the Blessed Mary
Sliema għalik, o Marija!
Ifraħ, mimlija bil-grazzja,
b’dik il-grazzja li, bħal dawl ħelu, iddawwal
lil dawk li fuqhom tilma l-preżenza ta’ Alla.
Il-Misteru sa mill-bidu geżwrek fih,
sa minn ġuf ommok beda jwettaq fik ħwejjeġ kbar,
li malajr talbu l-kunsens tiegħek,
dik l-“Iva” li nebbħet tant “iva” oħrajn.

Immakulata, Omm ta’ poplu fidil,
is-safa tiegħek iddawwal lil Ruma b’dawk etern,
il-mixja tiegħek tfewwaħ it-toroq tagħha iktar mill-ward li llum qed noffrulek.
Ħafna pellegrini mid-dinja kollha, o Immakulata,
imxew tul it-toroq ta’ din il-belt
matul l-istorja u f’din is-Sena Ġubilari.
Umanità mġarrba, xi drabi mgħaffġa,
fqajra bħat-trab li minnha Alla sawwarha
u li fih ma jiqafx jonfoħ l-Ispirtu tal-ħajja tiegħu.

Ħares, o Marija, lejn tant ulied li fihom ma ntfietx it-tama:
ħa jwarrad fihom dak li Ibnek żera’,
hu, Kelma ħajja li f’kull wieħed u waħda minna jitlob li jikber mill-ġdid,
li jkollu ġisem, wiċċ u leħen.
Ħa twarrad it-tama ġubilari f’Ruma u f’kull rokna tad-dinja,
tama fid-dinja ġdida li Alla qed iħejji
u li tagħha int, o Verġni, qisek il-ġawhra u ż-żerniq.
Wara l-bibien imqaddsa, ħa jinfetħu issa bibien oħra
ta’ djar u oasijiet ta’ paċi li fihom terġa’ twarrad id-dinjità,
niġu edukati għan-non-vjolenza, nitgħallmu l-arti tar-rikonċiljazzjoni.

Ħa tiġi saltnet Alla,
ħaġa ġdida li tant ittamajt fiha u li għaliha nftaħt kollok kemm int,
bħala tfajla ċkejkna, bħala mara żagħżugħa u bħala omm tal-Knisja għadha titwieled.
Nebbaħ intuwizzjonijiet ġodda lill-Knisja li f’Ruma tinsab miexja
u lill-Knejjes partikulari li f’kull kuntest jiġbru
l-ferħ u t-tamiet, in-niket u s-saram
tan-nies ta’ żmienna, fuq kollox tal-foqra,
u ta’ dawk kollha li qed ibatu.
Ħa tissokta tnissel il-Magħmudija rġiel u nisa qaddisa u bla tebgħa,
imsejħa biex isiru membri ħajjin tal-Ġisem ta’ Kristu,
Ġisem li jaġixxi, ifarraġ, jirrikonċilja u jibdel
il-belt ta’ din l-art fejn titħejja l-Belt ta’ Alla.
Idħol għalina, aħna u nitqabdu mal-bidliet
li donnhom qed isibuna mhux imħejjija u bla saħħa.
Nebbaħ ħolm, viżjonijiet u kuraġġ,
int li taf iktar minn ħaddieħor li xejn ma hu impossibbli għal Alla,
u fl-istess ħin li Alla ma jagħmel xejn waħdu.

Poġġina fit-triq, b’dik il-ħeffa li jum wieħed qanqlet il-passi tiegħek
lejn qaribtek Eliżabetta
u t-tregħid li bih sirt maħruba u pellegrina,
biex tkun imbierka, iva, imma fost in-nisa kollha,
l-ewwel dixxiplu ta’ Ibnek,
omm Alla-magħna.
Għinna nkunu dejjem Knisja man-nies u qalb in-nies,
ħmira fl-għaġna ta’ umanità li titlob ġustizzja u tama.
Immakulata, mara ta’ ġmiel bla tarf,
ħu ħsieb ta’ din il-belt, ta’ din l-umanità.
Uriha lil Ġesù, wassalha għand Ġesù, ressaqha quddiem Ġesù.
Omm, Sultana tal-paċi, itlob għalina!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard




