L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Dak il-lejl ma qabdu xejn” (Ġw 21:4). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann fuq dawn id-dixxipli ta’ Ġesù li marru jistadu. Kien Pietru, li f’dan ir-rakkont hu diġà meqjus bħala l-kap tagħhom, li qal “sejjer nistad” (Ġw 21:3). U s-sitta l-oħra – kienu sebgħa b’kollox – marru biex jistadu. Imma dak il-lejl ma qabdu xejn.

Meta sebaħ, jaraw lil xi ħadd fuq ix-xatt li għall-bidu ma għarfuhx li kien Ġesù. Wara li jistaqsihom għandhomx x’jieklu, jgħidilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu” (Ġw 21:6).  Jidher li kellhom intuwizzjoni dawn id-dixxipli li dak kien xi ħadd speċjali, għax li bniedem, hu min hu, jgħid lil xi ħadd li hu espert tas-sajd – anzi kien hemm iktar minn wieħed hawnhekk – u jgħidilhom x’għandhom jagħmlu biex jaqbdu l-ħut hija xi ħaġa mhix soltu. Imma dawn imxew skont kif qalilhom, u l-Evanġelju jgħid li tant qabdu ħut li ma felħux jiġbdu x-xibka daqskemm kien fiha ħut. 

X’naraw hawnhekk f’dan l-Evanġelju? Naraw il-preżenza ta’ Ġesù ħaj u l-kelma tiegħu li tagħmel id-differenza kollha. Ifakkarna ħafna f’episodju ieħor li naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa li jixbah ħafna lil dan, meta Ġesù xtaq li jgħallem lin-nies u qal lil Xmun dak inhar biex jieħdu bid-dgħajsa ftit ’il barra – dik inhar s-sajjieda kienu qed jaħslu x-xbiek – imma Xmun ħadu fid-dgħajsa u qagħad jgħallem lin-nies. Kif spiċċa, lil Xmun qallu: “Aqdef ’il barra fil-fond u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5:4). U Xmun qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5). U dak inhar ukoll, l-Evanġelju jgħid li tant qabdu ħut li “x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam” (Lq 5:6).

Araw ix-xebh bejn dawn iż-żewġ rakkonti li juruna tassew min hu Ġesù u d-differenza li jagħmel. Fir-rakkont tal-lum, jolqotna kif Ġesù l-ewwel preokkupazzjoni tiegħu hija: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” (Ġw 21:5). L-ewwel hu dejjem dak li għandhom bżonn, l-essenzjal – din hija l-kura u l-imħabba tiegħu. Imbagħad naraw id-differenza li tagħmel il-preżenza tiegħu u l-kelma tiegħu. Kemm jgħidilhom kelma, u għax segwewh, qabdu ħafna ħut. Dak li ma rnexxilhomx jagħmlu f’lejl sħiħ, irnexxielhom jagħmlu fi ftit tal-ħin. Naraw ukoll l-abbundanza li toħroġ minn din il-preżenza, minn din il-kelma ta’ Ġesù, għax mhux qabdu xi ħaġa, imma tant qabdu ħut – “mija tlieta u ħamsin ħuta kbira” (Ġw 21:11) – li b’diffikultà ġibdu x-xibka lejn ix-xatt. L-abbundanza dejjem narawha fil-preżenza ta’ Ġesù. Niftakru l-miraklu li kien għamel meta ħames ħobżiet u żewġ ħutiet ħadhom biex jitma’ eluf ta’ nies, u baqa’ żżejjed ukoll, jgħid ir-rakkont. Il-preżenza tiegħu hi preżenza mhux biss li tagħmel il-ġid imma li toħloq l-abbundanza wkoll.

X’inhu l-messaġġ għalina llum? L-iktar importanti hu li niftakru li meta aħna għandna lil Ġesù magħna, preżenti f’ħajjitna, jagħmel id-differenza kollha. Dejjem preżenza ta’ ġid. Meta nisimgħu l-kelma tiegħu u nsegwuha, aħna mmorru aħjar, għax hi kelma li lilna tagħmel il-ġid. Mingħajru, aħna mmorru agħar. Niftakru x’kien qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Ara kemm jixbah dal-kliem lil dak li smajna fl-Evanġelju: “dak il-lejl ma qabdu xejn” (Ġw 21:4). Bih kien hemm id-differenza kollha. Tajjeb li din mhux biss nifhmuha imma ngħixuha f’ħajjitna, għax Ġesù jgħinna biex fix-xogħol tagħna, u fil-professjoni tagħna, inkunu aħjar. Il-preżenza tiegħu mhix biss mhix preżenza skomda, imma biha aħna mmorru aħjar. Din tajjeb li niftakru fix-xogħol tagħna, fil-professjoni tagħna. Illum jolqtok kemm it-tfal huma involuti f’ħafna affarijiet sbieħ – futbol, għawm, mużika, ballet. Tajjeb niftakru li meta għandna lil Ġesù magħna, inkunu aħjar anke f’dawn. Inkun footballer aħjar, għawwiem aħjar, ballerina aħjar – għax għandna lil min qed jgħinna, jakkumpanjana, jagħtina l-viżjoni u jgħinna ngħixu l-valuri tiegħu. Din hi l-preżenza ta’ Ġesù li tagħmel id-differenza u l-kelma tiegħu li ġġib ħafna ġid f’ħajjitna.

Nitolbu lill-Mulej: ibqa’ magħna, Mulej, u għinna biex aħna nibqgħu dejjem miegħek.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju