• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Casa Leone, San Ġiljan

    6 ta’ Diċembru 2018

    Insellem lir-residenti kollha anzjani u lill-istaff ta’ Casa Leone, kif ukoll lill-ħaddiema tal-Kurja li llum ġew f’din id-dar biex jisimgħu u jitkellmu mal-anzjani u jgħinu fit-tiżjin tad-dar għall-Milied. Nixtieq li f’din l-Ewkaristija naħsbu fuq żewġ punti mill-Kelma ta’ Alla.

    L-ewwel nett, dak li smajna fl-ewwel qari mill-profeta Iżaija: “Ittamaw fil-Mulej għal dejjem, għax hu l-blata ta’ dejjem.” It-talba li nagħmel għalina lkoll hi li nqiegħdu t-tama tagħna fih, li “nistkennu fih” kif għedna fis-Salm. Hu żgur ikun għalina l-blata soda li fuqha nistgħu nserrħu, imma wkoll dak li jagħtina l-kuraġġ u l-għajnuna speċjalment fil-waqtiet ibsin tal-ħajja u meta ngħaddu minn tbatija. Ilkoll kultant ngħixu żminijiet diffiċli, ġieli nħossuh tqil wisq il-piż tal-ħajja. Imma aħna nafu li jekk inqiegħdu t-tama tagħna fil-Mulej, hu jkun magħna, isostnina u jmexxina ’l quddiem, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ toqol.

    It-tieni, dak li qal Ġesù fl-Evanġelju skont San Mattew meta ħeġġiġna biex nibnu fuq is-sod. Ġesù jgħid: “Mhux min jgħidli ‘Mulej, Mulej’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet”. Ġesù mhuwiex kontra li nsejħulu “Mulej, Mulej”, anzi jridna nersqu lejh bit-talb. Imma hu kontra li dan it-talb ikun biss faċċata u ma jkunx imsieħeb ma’ ħajja fejn nippruvaw bis-serjetà nagħmlu r-rieda tal-Mulej. Għalhekk iħeġġiġna biex nibnu fuq is-sod b’mod li l-Kelma tiegħu nisimgħuha, inħalluha tinżel fil-qalb tagħna, ngħożżuha u ngħixuha f’ħajjitna. B’dan il-mod inkunu ċerti li qed nibnu xi ħaġa li tibqa’.

    Nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fiduċja u t-tama fih, u jgħinna biex il-Kelma tiegħu tinżel fina u ngħixuha fil-ħajja ta’ kuljum.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju