L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Il-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti” (Mt 22:40). Dan hu li jgħid Ġesù llum meta jsemmi liema kmandament hu l-aktar importanti u jiġi l-ewwel, anzi hu jgħaqqad tnejn flimkien. Hawnhekk kien f’diskursata mal-Fariżej, bħalma ftit qabel kien mas-Sadduċej. Mas-Sadduċej kien fuq il-qawmien mill-imwiet, u hawn dan l-għaref tal-liġi ried li Ġesù jgħidlu liema hu l-aktar kmandament kbir fil-liġi. Din kienet diskursata li kienu jagħmlu għal snin, u anke teħdilhom fit-tul. Imma Ġesù mar fl-essenzjal. Qallu, l-ewwel: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” (Mt 22:37) u “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:39). Li għamel Ġesù hawnhekk hu li għaqqad tnejn, biex juri li kmandament imur mal-ieħor, u jridu jkunu flimkien.

X’inhu l-messaġġ importanti għalina llum? L-ewwel nett, Ġesù qed jgħid li fil-qalba tal-ħajja tagħna għandu jkun hemm din l-imħabba kbira lejn Alla u lejn l-oħrajn. Dak kollu li nagħmlu għandu sens jekk ikun immexxi minn din l-imħabba. U Ġesù jgħaqqadhom flimkien, li kienet xi ħaġa li mhux dejjem kienu jagħmluha dak iż-żmien, u anke kultant aħna llum; qisna nisseparawhom. Ġesù qed jgħid: ma għandhomx ikunu sseparati l-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Għalhekk, ma nistgħux nirraġunaw “jiena lil Alla nħobbu, u għandi diversi devozzjonijiet fejn nuri din l-imħabba lejh”, imbagħad nittratta ħażin lil ta’ madwari, inweġġagħhom, ninsultahom. F’dak il-każ, hemm xi ħaġa ħażina, anke fl-istess imħabba lejn Alla, qed jgħid Ġesù, għax iridu jkunu flimkien. L-istess: jekk jiena ninjora lil Alla, u ngħid “l-iktar importanti mhux li tħobb lill-proxxmu?”, hemmhekk ukoll inkun żbaljat għax inkun inqtajt mill-għajn tal-imħabba li huwa Alla. U jiġri kultant li mbagħad mingħalik qed tħobb, u tipprova tikkuntenta lill-oħrajn b’affarijiet li jmorru kontra dak li jrid Alla. Għalhekk hu importanti ħafna li aħna nifhmu għal ħajjitna kemm għandu jkun hemm għaqda sħiħa, u l-imħabba lejn Alla tmexxina għall-imħabba lejn l-oħrajn.

Li qed jgħid Ġesù huwa kemm hu tajjeb f’ħajjitna li nimxu għal azzjoni li hija pożittiva. Qed jgħid Ġesù: flok noqogħdu ngergru bin-nuqqas ta’ mħabba hawn, u l-mibegħda hawn, u nieqfu hemm, aħna għandna nkunu l-ewwel li nħobbu; u fejn ma nsibux imħabba, inqiegħdu l-imħabba u hemm insibu l-imħabba. Din l-ewwel nett man-nies ta’ madwarna; minn hemm irridu nibdew – mal-familja, man-nies li naħdmu, man-nies li niltaqgħu magħhom. L-imħabba turi ruħha fl-affarijiet ordinarji ta’ kuljum, bħal per eżempju, li nisimgħu lill-oħrajn, li ngħid kelma ta’ ġid, li nuri interess anke fit-tbatija ta’ ħaddieħor, li ngħin lil ħaddieħor jerfa’ s-salib tiegħu – mhux nilħaqlu salibu, imma ngħinu jerfa’ s-salib. Din hi s-solidarjetà li tesprimi tassew l-imħabba lejn l-oħrajn.

Imbagħad l-imħabba mhux biss lejn ta’ madwarna imma wkoll lejn nies oħra. Kultant ikun hemm min jistaqsi: imma jien, per eżempju, meta nara dawk in-nies li qed ibatu fil-gwerra, bħal fl-Ukrajna l-vittmi tal-agressjoni, f’Gaża fejn qed isir massakru tal-innoċenti – biex toqtol terrorista, tiknes  poplu – kif nista’ nħobbhom lil dawn? Nistgħu nuru mħabba billi nitolbu għalihom – ikunu fil-qalb tagħna – billi nqajmu kuxjenza favur dawk li għadejjin minn tbatija, kif ukoll li ngħinuhom b’donazzjonijiet, finanzjarjament.

Nixtieq jien nuri apprezzament lil tant nies li ma baqgħux indifferenti, ma qagħdux gallarija, li ma wrewx apatija lejn dawn in-nies li qegħdin ibatu minħabba l-ġlied u l-gwerer, li huma vittmi bħan-nies ta’ Gaża. Ngħid: kemm hija sabiħa u kemm turi tassew din l-imħabba li qed jgħid Ġesù: l-imħabba lejh li mbagħad nesprimuha fl-imħabba lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk l-aktar fil-bżonn, dawk li għaddejjin minn tbatija!
Niftakru dak li kien qal San Ġwann tas-Salib: “Fl-għabex ta’ ħajjitna, se nkunu ġġudikati fuq kemm ħabbejna”.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: li qalbna tkun dejjem mimlija b’din l-imħabba sħiħa lejh, u lejn il-proxxmu tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta