L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missieri għoġbu jagħtikom is-Saltna” (Lq 12:32). Dan il-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, u li jgħidu lilna wkoll illum bħala dixxipli tiegħu, hu kliem li jagħti kuraġġ u kliem ta’ qawwa għalina fil-ħajja tagħna. Ftit qabel, Ġesù kien qed jgħid lid-dixxipli tiegħu li huma ma għandhomx jittieħdu, jinkwetaw fuq ħafna affarijiet li huma sekondarji, imma għandhom jaħsbu fis-Saltna ta’ Alla. U kien qalilhom: Fittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla, u l-Missier jieħu ħsieb iżidilkom dak li hu meħtieġ.

Nixtieq li nieħdu dawn it-tliet punti li jsemmi hawnhekk Ġesù f’din is-sentenza, li huma importanti ħafna għall-ħajja tagħna.

Merħla ċkejkna

L-ewwel nett, isejjaħ lid-dixxipli “merħla ċkejkna”. Merħla, għax Kristu huwa r-ragħaj it-tajjeb, u għalhekk id-dixxipli mexjin wara Kristu li huwa r-ragħaj it-tajjeb. U ċkejkna, għaliex dawn id-dixxipli kienu ftit nies li jħossuhom ċkejknin ħdejn il-ħafna nies li kien hemm fi żmien Ġesù – grupp verament ċkejken.

Imma d-dixxipli fehmu li Alla jaħdem biż-żgħir, bil-ftit, biċ-ċkejken. Din hija l-istorja tas-Salvazzjoni. Alla ħafna drabi fil-ħajja jaħdem proprju permezz ta’ dak li hu ċkejken u jidher insinifikanti, mhux dak li jagħmel ħafna ħoss, jew dak li jimpressjona, imma dak li hu ċkejken. Għalhekk id-dixxipli fehmu kemm hu importanti li anke jekk kienu grupp żgħir, merħla ċkejkna, imma għandhom din is-sejħa speċjali minn Ġesù li jistgħu jgħixuha u jistgħu jkunu mbagħad ta’ dawl għall-oħrajn.

Hi merħla ċkejkna li tgħożż lil dawk li huma ċkejknin. Nixtieq insemmi kemm hi ħaġa sabiħa li fil-knejjes tagħna jkun hemm it-tfal u t-tfal iż-żgħar. Għaliex Ġesù qalilna: tagħhom u ta’ min hu bħalhom hi s-Saltna tas-smewwiet. Kemm hu importanti li dawn iħossuhom jipparteċipaw fil-ħajja tal-Knisja, għax Alla jgħożż iċ-ċkejknin.

Meta ngħidu “merħla ċkejkna”, qed ngħidu li hi komunità li tinkludi, inklussiva. Illum din hi kelma li tintuża ħafna, u qatt ma għandna nifhmu “merħla ċkejkna” qisha b’xi mod teskludi lil xi ħadd. Anzi, il-Knisja hi komunità li tinkludi, għax f’kull persuna u f’kull ħajja umana tara x-xbieha ta’ Alla u tirrispetta d-dinjità ta’ kull ħajja umana. Għalhekk tinkludi nies ta’ lewn differenti, ta’ razza differenti, ta’ ġeneru differenti, ta’ abbiltajiet differenti – kollha huma parti minn din il-familja li hi l-Knisja. Il-Knisja taħdem fis-soċjetà ma’ oħrajn ta’ twemmin differenti jew ta’ bla twemmin, u tagħti wkoll dan il-messaġġ li jagħtina Ġesù li aħna lkoll aħwa u lkoll għandna Missier wieħed.

Għalhekk hi komunità inklussiva. Biex ngħidu l-verità, hi aktar inklussiva minn ħafna min-nies li fid-dinja jsemmu l-inklużjoni. Għax il-Knisja tinkludi wkoll mhux biss lil dawk li twieldu imma wkoll dawk li jeżistu imma għadhom ma tweldux. Dawk in-nies, li huma diġà bnedmin, u għadhom ma tweldux, aħna ninkluduhom ukoll. Ma neskludux nies minħabba d-diżabilità jew minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Ma ngħidux: dawn jiġu skartati, imqiegħda fil-ġenb, minħabba xi kundizzjoni tagħhom. Aħna ninkludu lil kulħadd. Għalhekk dil-merħla ċkejkna tgħożż anke lil min hu verament ċkejken, bħal dawk il-ftit ċelloli fejn hemm diġà ħajja umana imma għad iridu jiżviluppaw. Hi komunità ċkejkna li tgħożż liċ-ċkejknin.

Tibżgħu xejn

Ġesù jgħid “tibżgħu xejn”. Dan hu l-messaġġ li jagħti lil din il-komunità tiegħu. Hu messaġġ li Alla dejjem jagħti fl-istorja tas-Salvazzjoni. Niftakru meta deher l-anġlu lil Marija, qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:30). Lil Ġużeppi, qallu: “xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija” (Mt 1:20). Lid-dixxipli Ġesù qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn” (Mt 14:27). Il-messaġġ ta’ Alla hu dejjem messaġġ ta’ kuraġġ li jgħinna negħlbu l-biża’.

Ma jfissirx li aħna, fil-ħajja tagħna, ma nibqgħux kultant nibżgħu minn ħaġa jew oħra. Hemm ħafna affarijiet li lilna jbeżżgħuna. Jista’ jkun meta nħarsu lejna nfusna, u naraw id-dgħufija tagħna u n-nuqqasijiet tagħna. Jista’ jkun meta nħarsu lejn is-soċjetà, u naraw ċerti xejriet u nibdew nippreokkupaw ruħna. Jista’ jkun min-nies li jagħmlu pressjoni fuqna bi stil ta’ ħajja differenti u qishom iriduna bħalhom. Hemm diversi affarijiet fil-ħajja li lilna jistgħu jbeżżgħuna.

Li qed jgħid Ġesù mhuwiex li aħna mhux se jkollna dak li jbeżżagħna, imma li ma nħallux il-biża’ jmexxina, ma nħallux il-biża’ jsuq lil ħajjitna, imma bl-għajnuna tiegħu negħlbu dan il-biża’. Għalhekk il-kelma tiegħu hi dejjem kelma ta’ kuraġġ lilna.

Għoġbu jagħtikom is-Saltna

Ġesu jgħid: “…għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna”. Dan hu s-sabiħ tagħna bħala komunità li għandna lil Ġesu bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna. Għax aħna, minn hawn stess, ngħixu l-ħajja ta’ dejjem. Minn hawn ngħixu dak li hu l-aktar importanti, jiġifieri din is-Saltna ta’ mħabba li Alla qiegħed f’qalbna, li Alla tana, u li lilna jsejħilna biex inkunu strumenti ta’ din l-imħabba fis-Saltna tiegħu.

Għalhekk nagħmlu l-kuraġġ għax hu tana li ngħixu din is-Saltna u nkunu mal-oħrajn dawk li nwasslu din is-Saltna tiegħu.

Grazzi mill-qalb

F’dawn l-erba’ snin li ili isqof, żammejt f’moħħi ħafna dan il-kliem ta’ Ġesù: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna”. Jekk inqiegħdu tassew lill-Mulej bħala l-aqwa teżor, allura jkollna dik il-paċi u l-ferħ li jagħtina hu.

Nirringrazzja lil Alla ta’ tant nies li ltqajt magħhom li huma xhieda ta’ din is-Saltna ta’ Alla, xhieda tal-imħabba tiegħu. Nitlob lill-Mulej biex inkompli naqdih f’dan il-ministeru, speċjalment biex inkun strument ta’ kuraġġ għal dawk li għaddejjin mill-biża’ u biex qatt ma naqtgħu qalbna jekk inkunu “merħla ċkejkna”. Jekk għandna lil Kristu bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna, aħna għandna dak kollu li hu importanti fil-ħajja.

Nitolbuh għalhekk għalina lkoll bħala Knisja biex inkomplu mexjin warajh, u biex dejjem nagħmlu kuraġġ li jagħtina hu, u ngħixu tassew il-valuri tas-Saltna tiegħu, b’xhieda speċjalment fis-soċjetà ta’ żmienna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju