L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Aħna nafu t-twelid tal-Knisja minn din il-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin meta, kif smajna fil-Kelma ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli, imliehom bil-qawwa tiegħu, u huma ħarġu barra jagħtu xhieda ta’ Ġesù li hu ħaj.

Nixtieq li nħarsu lejn din il-ġrajja hekk importanti u għażiża għalina lkoll li nemmnu f’Ġesù, u naraw x’tgħidilna għall-ħajja tagħna llum.

Don

L-ewwel nett, l-Ispirtu s-Santu hu don, rigal ta’ Alla. Hu don, li meta l-appostli rċevewh, għamel fihom bidla kbira. Dawn kienu nies “bil-bibien magħluqa”, qegħdin flimkien hemmhekk, qed jistennew il-miġja tiegħu kif kien ħabbrilhom Ġesù. Il-mument li niżel fihom l-Ispirtu s-Santu, huma ħarġu jħabbru lil Ġesù. Għalhekk ngħidu “it-twelid tal-Knisja”. X’jurik dan? Li l-Knisja mhijiex riżultat tal-ħidma tal-bnedmin, ma twelditx għax dawn l-appostli miġburin hemm fil-kamra qagħdu jitkellmu bejniethom u jaraw kif se jagħtu bidu għall-ħidma tal-Knisja, kif se jagħtu bidu forsi bi pjan ta’ fejn sejrin l-ewwel u x’se jagħmlu wara. Ma twelditx hekk il-Knisja! Twieldet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u għax huma kienu lesti li jilqgħu dan id-don biex imbagħad joħorġu u jagħtuh lil tant nies.

Dan ifakkarna għalhekk li l-Knisja hi don tal-Ispirtu s-Santu, għalhekk hu dejjem l-Ispirtu ta’ Alla li jaħdem fil-Knisja tiegħu; kultant minkejja, kultant permezz tan-nies li jiffurmawha jew imexxuha. L-Ispirtu s-Santu jaħdem dejjem hemm qalb id-dgħufija tan-nies li  jiffurmawha. Dejjem jaħdem, sa mill-bidu nett tal-istorja tal-Knisja, mindu ġiet iffurmata l-ewwel komunità sal-lum. Għalhekk lilna dan jagħmlilna ħafna kuraġġ, għax aħna niffurmaw il-Knisja. Aħna wkoll, bid-difetti u n-nuqqasijiet tagħna, niffurmaw din il-Knisja li hi mmexxija minn Alla permezz tal-Ispirtu tiegħu. Iktar ma niftħu qalbna għalih, aktar nilħqu l-iskop li Ġesù ried għall-Knisja tiegħu.

Għaqda

L-Ispirtu s-Santu hu dak li jgħaqqad flimkien lill-komunità, lill-ewwel appostli. Dawn kien nies, li meta sejħilhom Ġesù, diversi kienu sajjieda, oħrajn sejħilhom minn post ieħor, imma ma għamlux taħriġ kif jaħdmu flimkien. Fil-fatt, tinduna li meta Ġesù kien ikellimhom biex jiffurmahom, kultant kienet toħroġ din: li meta jħarsu lejn xulxin, flok iħarsu lejn xulxin bi mħabba u kuntenti li qed jaħdmu mal-oħrajn, kienu jħarsu lejn xulxin b’għira: min jiġi l-ewwel, min jiġi wara.

L-Ispirtu s-Santu għen lil dawn biex jiffurmaw komunità waħda, fid-diversita tagħhom, bl-ideat differenti tagħhom, għenhom biex ikunu f’unità, ħaġa waħda. Għalhekk il-Knisja twieldet proprju b’dan id-don tal-Ispirtu tal-għaqda, ta’ komunjoni. Meta l-appostli ħabbru lil Ġesù, kien hemm tant nies minn postijiet differenti – kif smajna fil-Kelma ta’ Alla – li fehmuhom x’kienu qed jgħidu, minkejja li kienu nies minn pajjiżi differenti, b’lingwi differenti. Dan għaliex l-Ispirtu s-Santu kien dak li jgħaqqad il-Knisja, u hekk baqa’ dejjem. Hu l-prinċipju tal-għaqda. Hu li jġib id-diversità fil-Knisja stess, imma jgħaqqadha wkoll f’unità, ħaġa waħda fil-fidi fi Kristu ħaj, u ħaġa waħda fil-missjoni li l-Knisja għandha.

Qawwa

L-Ispirtu s-Santu mela l-appostli bid-doni tiegħu. Ħa nsemmi don wieħed li ta lilhom u li jagħti lilna wkoll: id-don tal-qawwa. Dawn kienu nies li jibżgħu. Hemm kull prova fl-Evanġelju ta’ kemm kienu jibżgħu! Fil-Passjoni, kważi kollha ħarbu; fil-mument tal-prova, ma kinux fejn Ġesù. Imma mbagħad, meta Ġesù dehrilhom, u tahom il-qawwa tiegħu, qalilhom li l-Ispirtu s-Santu se jgħinhom biex jegħlbu l-biża’.

Fil-fatt, l-aktar ħaġa li tolqtok f’dawn in-nies hu kif f’daqqa waħda ħarġu jxandru l-Bxara t-Tajba, u lkoll tferrxu f’postijiet differenti, u għamlu dan qalb ħafna diffikultajiet u persekuzzjonijiet. Kollha kemm huma spiċċaw, b’xi mod jew ieħor u ħafna drabi, bi xkiel u b’ostakli kbar. U baqgħu jħabbru lil Ġesù bil-qawwa li tahom l-Ispirtu s-Santu.

Issa lilna wkoll l-Ispirtu s-Santu tana din il-qawwa meta niżel fina fil-Magħmudija, u bil-Konfermazzjoni kienet konfermata din l-għażla. Jekk aħna niftħu qalbna għalih, jagħtina wkoll dik il-qawwa biex illum, kull wieħed u waħda minna, fejn ngħixu, fejn naħdmu u ma’ min niltaqgħu, ma nibżgħux inkunu Nsara u ma nistħux nidhru li aħna Nsara. Tafu li kultant din tiġri, li int tkun ikkundizzjonat min-nies ta’ madwarek. Li turi li temmen ma jfissirx li tieħu statwa fl-uffiċċju tiegħek u daqshekk – dik ħaġa sabiħa, imma li qed ngħid hu li tagħżel li tkun onest qalb nies li jqabblu kif jaqblilhom; li tagħżel li taħfer qalb nies li jridu jagħmlu vendikazzjoni; li tagħżel li titkellem xieraq qalb nies li jitkellmu kif ġie ġie, jitkellmu ħażin u joffendu anke lil Alla; li tagħżel li taħseb f’min hu fil-bżonn, min hu batut, qalb nies li jiġbdu lejhom. Mhux għax aħna nkunu perfetti, lanqas xejn, aħna wkoll għandna d-dnubiet tagħna. Imma l-Ispirtu ta’ Alla jagħtina l-qawwa biex nagħmlu għażliet li ma jħalluniex inkunu kkundizzjonati minn ta’ madwarna, qisna nibżgħu nagħtu xhieda tal-fidi tagħna minħabba n-nies li hemm.

Għalhekk hi sabiħa meta nħarsu lejn l-appostli tal-bidu u tant nies fil-ħajja tal-Knisja li ma beżgħux jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom. Speċjalment, ix-xhieda għall-verità. Tissemma ħafna drabi fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid li se jibgħat “l-Ispirtu tal-verità”; għalhekk li aħna ma nibżgħux inkunu xhieda tal-verità.

Nitolbu lil Alla l-grazzja llum li hu jimliena bl-Ispirtu tiegħu, jgħinna biex niftakru li dan don tiegħu, grazzja tiegħu; biex dan id-don jgħaqqadna flimkien bħala l-komunità ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù; u biex bil-qawwa tiegħu aħna qatt ma nibżgħu nagħtu xhieda tal-fidi tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju