Photo by Yaroslav Shuraev

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Malta ma għandniex muntanji, naslu sal-għoljiet. Imma min ġieli tela’ fuq muntanja,  bil-mixi jew b’xi mezz ta’ trasport, jaf kemm il-muntanja tagħtik sensazzjoni ta’ kobor, ta’ xi ħaġa ’l fuq mill-bqija. Hu għalhekk li l-muntanja, kemm-il darba fl-Iskrittura, insibuha bħala l-post tal-laqgħa speċjali ma’ Alla, fejn Alla juri lilu nnifsu, fejn ikun hemm esperjenza speċjali u qawwija ta’ Alla.

Esperjenza unika

Fil-ġrajja tal-Evanġelju llum, Ġesù jieħu tliet iħbieb ta’ ġewwa miegħu fuq muntanja – lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni. U jtellagħhom hemm fuq għal esperjenza unika, mill-iktar speċjali u kbira. Jaraw lil Ġesù fil-glorja, trasfigurat. Wiċċu, ilbiesu, kollox juri l-glorja tiegħu. Miegħu kien hemm ukoll Mosè u Elija jitkellmu – it-tnejn li jirrappreżentaw il-liġi u l-profeti, u t-tnejn li huma nsibuhom fit-Testment il-Qadim b’esperjenza speċjali ta’ Alla fuq muntanja.

Din tat-tliet dixxipli kienet esperjenza qawwija imma qasira. Pietru xtaq li titwal, għalhekk ried li jagħmel tliet tined, imma l-mument li ħaseb li tista’ titwal, l-esperjenza ntemmet bis-sħaba u bil-leħen li nstama’ jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż, fih sibt il-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu” (Mt 17:5).

Is-salib iwassal għall-glorja

X’kien l-iskop ta’ din l-esperjenza qasira li Ġesù ta lil dawn it-tliet iħbieb tiegħu? Nifhmu ħafna dan meta niftakru li s-silta qabel it-Trasfigurazzjoni, fl-Evanġelju skont San Mattew, hi s-silta meta Ġesù kien qed jispjega lid-dixxipli tiegħu “li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh u fit-tielet jum iqum” (Mt 16:21). Dal-kliem kien ta’ ħasda kbira għad-dixxipli, u niftakru r-reazzjoni ta’ Pietru meta ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu “Allaħares”, u Ġesù dak inhar qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan” (Mt 16:23). Għax ma kienx qed iqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma jaħsibha ta’ bniedem.

Għalhekk Ġesù jieħu miegħu lill-istess Pietru li kien oġġezzjona, u lit-tnejn l-oħra viċin tiegħu ħafna Ġakbu u Ġwanni, biex fuq il-muntanja jagħtihom, permezz tad-dehra tal-glorja tiegħu, ħjiel ta’ x’kien ifisser il-qawmien tiegħu. Ried jurihom x’kienet se tkun il-konklużjoni tat-tbatija tiegħu – il-glorja. Ried jagħmel dan biex jagħtihom kuraġġ, speċjalment lilhom li kienet se jgħaddu minn esperjenza trawmatika fil-Passjoni. Niftakru li kienu preċiżament dawn it-tliet appostli li kienu se jkunu ma’ Ġesù fil-Ġnien tal-Ġetsemani, meta jbati ħafna u jegħreq l-għaraq tad-demm.

Fehmu kollox wara l-qawmien ta’ Ġesù

Ġesù ried jagħtihom esperjenza li jibqgħu jiftakru u li tkun għalihom ta’ kuraġġ u għajnuna. Biex meta fil-Passjoni jkun wiċċu sfigurat, u bil-bżieq, jiftakru f’din id-dehra meta kien wiċċu “jiddi bħax-xemx” (Mt 17:2); biex meta fil-Passjoni jneżżgħuh minn ħwejġu, jiftakru f’din id-dehra meta lbiesu kien “abjad bħad-dawl” (Mt 17:2). Biex meta jarawh imsallab u ħdejh, wieħed kull naħa, żewġ ħallelin, jiftakru f’din il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni meta ma’ Ġesù kien hemm Mosè u Elija. Biex meta jaraw lil Ġesù abbandunat mill-istess nies ħbieb tiegħu li beżgħu jkunu miegħu, anke minn Pietru nnifsu li ċaħad li jafu, jiftakru f’dak li kien qal Pietru “kemm hu sew li aħna hawn!” (Mt 17:4)

Id-dixxipli kellhom iġeddu din l-esperjenza wara li Ġesù qam mill-imwiet. Mar-rebħa ta’ Ġesù fuq il-mewt, setgħu jifhmu tassew il-glorja tiegħu, u setgħu jifhmu aħjar kif it-triq għall-glorja hija t-triq tas-salib, it-triq tat-tbatija.

L-għaxqa tal-Missier

Jolqotna ħafna f’dan ir-rakkont dak il-leħen tal-Missier li nstema’ fuq il-muntanja, li jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż, li fih sibt il-għaxqa tiegħi. Isimgħu lilu”. Hu l-istess leħen li jgħid l-istess ħaġa dakinhar tal-Magħmudija ta’ Ġesù: “Dan hu ibni l-għażiż; fih sibt il-għaxqa tiegħi” (Mt 3:17). Huwa Ġesù l-għaxqa tal-Missier. Hu għandu jkun għalina wkoll ħuna l-għażiż, u fih insibu l-għaxqa tagħna. 

Meta nisimgħu lilu, aħna jkollna l-għajnuna li għandna bżonn fil-ħajja, speċjalment fil-mumenti diffiċli, fil-waqtiet ta’ dlam u ta’ tbatija – meta aħna jkollna lil Ġesù bħala dak li fih insibu tassew l-għaxqa tagħna.

Dal-kliem li l-leħen tal-Missier jgħid fuq Ġesù jrid jgħidu wkoll għal kull wieħed u waħda minna. Aħna, meta tgħammidna u sirna ħaġa waħda ma’ Ġesù, sirna wkoll ulied adottivi ta’ Alla. Fil-magħmudija ta’ kull wieħed minna, il-Missier jgħid: dan hu ibni l-għażiż, din hi binti l-għażiża. Hu jixtieq li jkun jista’ jgħid dejjem: fih/fiha nsib l-għaxqa tiegħi. Jekk nisimgħu lil Ġesù u kliemu ngħixuh, inkunu qed ngħixu bħala wlied għeżież ta’ Alla li fina jsib l-għaxqa tiegħu.

Nitolbu lil Alla llum, aħna u niċċelebraw it-Tieni Ħadd tar-Randan u nirriflettu fuq il-ġrajja tat-trasfigurazzjoni, nitolbuh ikompli jgħinna, jagħtina dejjem id-dawl speċjalment fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna, biex dejjem niftakru li Ġesù hu rebbieħ u lilu għandna nisimgħu biex aħna nistgħu ngħixu tassew bħala wlied għeżież ta’ Alla li fina jsib l-għaxqa tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta