
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Inti l-anġlu ta’ ħajjitna
Inti d-dawl u l-qawwa tagħna
Fit-tiġrib li jdallam fuqna
Inti dejjem waqaft magħna”.
Dan huwa r-ritornell tal-Innu lil San Nikola, u huwa kliem li jesprimi b’mod sabiħ ħafna x’fisser San Nikola tul l-istorja u fi żminijietna.
San Nikola hu wieħed mill-qaddisin l-aktar popolari u maħbubin fil-Knisja. Il-kliem tal-Innu li jsejjaħlu “Missier tagħna għażiż Nikola” juri mhux biss rispett u devozzjoni, iżda wkoll sens ta’ identità: għax fejn hemm qaddis maħbub hemm storja, hemm kultant anki tradizzjoni li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra, u hemm qalb ta’ komunità li tħoss li hawn min jimxi magħha.
Is-Siġġiewi għandu din il-konnessjoni profonda tiegħu ma’ San Nikola, kif jgħid l-Innu: “Bejnna u bejnek hemm bħal rabta, li ma jħollu qatt is-snin”. Dan il-qaddis, imwieled f’Patara fl-Asja Minuri fit-tieni nofs tas-seklu tlieta, baqa’ magħruf bħala ‘San Nikola ta’ Bari’ minħabba li l-fdalijiet tiegħu ttieħdu f’din il-belt fl-1087. Minn hemm ’il quddiem, id-devozzjoni lejh xterdet f’għadd kbir ta’ pajjiżi u komunitajiet Insara.
Imma għalina x’ifisser Nikola? L-isem tiegħu Nicholaus – kliem li jfisser “ir-rebħa tal-poplu” – ma jidentifikax biss lil Nikola bħala figura ta’ qima, imma juri li hu mudell ta’ poplu li jirbaħ: poplu ta’ qalb ġeneruża, ta’ fidi, ta’ fedeltà u ta’ solidarjetà.
F’din l-okkażjoni solenni, irridu nidħlu fil-qalb ta’ ħajtu u naraw kif dan ir-ragħaj jista’ jimla lil ħajjitna wkoll b’dawl ġdid.

Ragħaj b’qalb tad-deheb
Ftit huma l-qaddisin li magħhom huma assoċjati tant stejjer ta’ ġenerożità bħal San Nikola. Imwieled f’familja sinjura, seta’ għażel il-kumdità u l-prosperità. Imma minħabba l-fidi tiegħu, ra l-ġid bħala mezz u qatt bħala għan fih innifsu.
L-istorja tat-tliet xebbiet hi magħrufa, imma ħafna drabi ma nifhmux bis-sħiħ il-profondità tagħha. Hi l-istorja tar-raġel li kellu tliet ulied xebbiet u meta waslu biex jiżżewġu, ma kellhomx flus għad-dota. Il-missier beda jaħseb f’mezzi mhux xierqa biex isib il-flus neċessarji – kien qed jaħseb li dawn ix-xebbiet ibigħu lilhom infushom biex idaħħlu l-flus li kien hemm bżonn. Nikola sar jaf b’dan u hejja borża bil-muniti tad-deheb u fis-satra tal-lejl waddabha biex jitħallas iż-żwieġ tal-ewwel tifla. Imbagħad ipprepara borża oħra u waddab il-flus għat-tieġ tat-tieni tifla. L-istess għamel għat-tielet. Missier l-għarajjes ried ikun jaf min kien dan il-benefattur u għamillu għassa u nduna li kien Nikola li kien qed iwaddab il-flus. Imma Nikola ma ried lil ħadd ikun jaf b’din l-għotja ġeneruża tiegħu.
Din l-istorja sabiħa żviluppat tant snin wara f’Santa Klaus li jġib ir-rigali lit-tfal, u jġibhom bil-moħbi. Imma mhijiex biss storja ta’ għoti ta’ flus, ta’ ġenerożità . Hija xhieda ta’ kif Nikola fehem lil Alla bħala Missier li jħobb lil uliedu, speċjalment lill-aktar vulnerabbli. U huwa għalhekk li għamel il-karità fil-moħbi, biex il-glorja tmur lil Alla u mhux lilu.
Ix-xhieda tiegħu hi ta’ messaġġ qawwi għalina fi żmienna. Illum, fis-soċjetà tagħna, kultant ir-relazzjonijiet jinbnew fuq x’se nakkwista minn fuq dahar ħaddieħor, x’se niggwadanja jien, kif ħaddieħor iservi ta’ staffa għalija. Nikola juri triq oħra: li qalbna ssir bħal dik tal-Mulej – qalb li tħares lejn il-bniedem b’għożża, li tilqa’, li tgħin, li tfejjaq. Kemm għandna bżonn dil-qalb fil-familji tagħna, fil-komunitajiet tagħna, fl-iskejjel tagħna, u wkoll fil-politika tagħna!
Hawn fis-Siġġiewi għandkom post għażiż ħafna, id-Dar tal-Providenza, għażiż għalikom imma wkoll għall-poplu Malti kollu. Jalla dan il-post dejjem jibqa’ jsib nies ta’ solidarjetà u ġenerożità bħal Nikola ħalli jibqa’ jkun dan is-simbolu sabiħ fil-Knisja f’Malta u fis-soċjetà Maltija.
Ragħaj li jagħti ħajtu
Nikola kien magħżul bħala Isqof wara l-mewt tal-Arċisqof ta’ Mira. Il-vokazzjoni ta’ Nikola għall-episkopat laħqet il-qofol tagħha meta hu ddistingwa ruħu bħala ragħaj li mhux biss kien qrib il-poplu tiegħu, imma li kien lest jagħti ħajtu għall-poplu.
Meta ġie magħżul Isqof ta’ Mira, ma kienx magħżul għax kellu poter jew flus. Il-leġġenda tgħid li kien magħżul b’mod provvidenzjali mill-kleru li ma setax jagħżel Isqof, u wieħed mill-Isqfjiet anzjani kien imnebbaħ li l-ewwel saċerdot, bl-isem ta’ Nikola, li jidħol fil-knisja jkun hu l-magħżul. U Nikola, li kien jgħix ħajja sempliċi u ta’ talb, daħal filgħodu kmieni jitlob kif kien imdorri jagħmel, u ngħażel hu. Il-poplu għaraf fih l-imħabba ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb.
Anke meta ġarrab it-tbatija tal-ħabs taħt il-persekuzzjoni, baqa’ sħiħ fil-fidi tiegħu. Meta kellu jissaporti umiljazzjonijiet u persekuzzjonijiet, ma ċediex. L-esperjenza tat-tfixkil li ltaqa’ miegħu bħala Isqof m’għamlithux aktar iebes, imma aktar ragħaj. Kienet dejjem tmexxih l-imħabba ta’ Kristu.
Nikola llum isejħilna biex nagħrfu u napprezzaw ir-ragħajja li l-Mulej jibgħat fostna, u jkunu dejjem f’qalbna. Insemmi lill-Arċipriet u s-saċerdoti kollha ta’ din il-parroċċa, dawk is-saċerdoti u r-reliġjużi li ħarġu minnha u qed jaqdu f’diversi parroċċi oħra jew f’postijiet madwar id-dinja, dawk li qed jagħtu ħajjithom fis-servizz ta’ poplu li għandu bżonn. Nuru lil dawn ir-rgħajja l-appoġġ sħiħ tagħna.
Nikola jħeġġiġna nitolbu għall-vokazzjonijiet għax “il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema ftit” (Lq 10:2). Għandna bżonn li fil-Knisja f’Malta jerġgħu jqumu żgħażagħ li jħossu lil Kristu jgħidilhom: “Ejja warajja u agħmel mill-ħajja tiegħek don sħiħ għall-oħrajn”. U jwieġbu bl-istess ġenerożità ta’ Nikola.

Ragħaj ta’ fidi qawwija
Nikola ma kienx biss bniedem ġeneruż jew ragħaj attent. Kien ukoll difensur qawwi tal-verità. F’diversi dokumenti, ismu hu marbut mal-Konċilju ta’ Nicea, li dis-sena qed niċċelebraw l-1700 sena tiegħu. Dan kien Konċilju ta’ importanza fundamentali għall-Knisja. B’kuntrast mal-ereżija ta’ Arju, Nikola baqa’ magħruf għad-difiża tiegħu tad-divinità ta’ Kristu.
Il-messaġġ li Nikola jagħti lilna llum hu kemm hija għażiża l-fidi tagħna, li għandna nħaddnuha u nxandruha mingħajr biża’. Hu messaġġ prezzjuż qalb mentalità li l-fidi hija xi ħaġa privata, li kważi kważi kultant aħjar taħbiha, speċjalment quddiem pressjoni soċjali jew intolleranza ta’ ħaddieħor.
Ma għandniex nistħu nkunu Nsara u nidhru li aħna Nsara. Kultant jiġri dan – insemmi l-eżempju tar-radd tas-salib li fil-knisja rrodduh ilkoll, imma ġieli qisna nistħu rroddu s-salib meta nkunu ma’ oħrajn, qisna rridu l-permess tagħhom biex irroddu s-salib. Nikola jgħallimna li ma għandniex inwarrbu l-valuri tagħna minħabba oħrajn li jgħixu stil ta’ ħajja differenti.
Nikola ma kienx jistħi juri li hu Nisrani. Għaraf lil min kien jemmen fih u baqa’ sħiħ. Din hi l-fidi li jgħallimna: fidi li nistqarru bla biża’, li turi ruħha fl-għażliet tagħna, fid-djalogu tagħna, u fil-mod kif ngħixu l-valuri tal-ħajja.
Ragħaj simbolu tal-unità
Waħda mill-ikbar rebħiet ta’ Nikola kienet li n-nies ta’ kulturi u knejjes differenti sabu fih pont li jgħaqqad u mhux ħajt li jifred. Il-fatt li hu meqjum mill-Kattoliċi, mill-Ortodossi u mill-Protestanti jfisser li Nikola hu simbolu ta’ dak li hu essenzjali fil-fidi Nisranija, u li jesprimi t-talba insistenti ta’ Ġesù għad-dixxipli tiegħu: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda… biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21).
Illum il-Knisja qed tistedinna lkoll biex nimxu flimkien fit-triq tal-ekumeniżmu. Il-Papa Ljun XIV, fil-vjaġġ appostoliku reċenti tiegħu fit-Turkija u l-Lebanon, ta xhieda qawwija ta’ din ir-rieda. Din mhijiex triq ta’ kompromess fejn tidħol il-verità, imma triq ta’ ftehim fuq dak li hu l-aktar importanti: li lkoll kemm aħna wlied Missier wieħed.
F’Nikola nsibu mudell ta’ kif il-Knisja tista’ tkun sinjal tal-għaqda. U l-għaqda hija wkoll rebħa ta’ poplu matur, poplu li jaf jilqa’, jisma’, jaħfer u jimxi flimkien.
Ragħaj protettur tal-ħajja umana
F’dinja li kultant tħares lejn il-ħajja b’mentalità utilitarja, Nikola jibqa’ figura li tfakkarna fil-valur assolut ta’ kull ħajja umana. Stejjer bħas-salvazzjoni tat-tliet suldati li kienu se jaqtgħulhom rashom, jew tat-tlett itfal li reġa’ tahom il-ħajja, huma xhieda ta’ qaddis li ma kienx iħares lejn il-bniedem bħala numru, bħala piż, jew bħala problema – iżda bħala ħlejqa maħbuba minn Alla.
Nikola jagħtina messaġġ qawwija lilna l-Maltin. Ifakkarna li l-ħajja umana hija għażiża dejjem – kemm jekk hi l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf jew tarbija li għadha ma twelditx imma tnisslet; kemm jekk hi l-ħajja ta’ min jinsab marid ħafna u jeħtieġ kura paljattiva u mhux min jagħtih x’jifhem li hu piż u aħjar jeħles; u kemm jekk f’ċirkustanzi oħra tul is-snin. Mhux aħna li għandna nagħżlu min jgħix jew le. Il-ħajja umana ma għandhiex tkun tiddependi fuq il-kunsens popolari.
Nikola jistedinna niftakru li l-ħajja umana qatt mhi xi ħaġa li niddisponu minnha. Jalla, fuq l-eżempju li jagħtina Nikola, nibqgħu poplu li jħares il-ħajja, li jgħin lill-morda u lill-anzjani, li jħaddan lil min hu dgħajjef u li jagħti futur lil kull tarbija li tkun fil-ġuf.

Ragħaj li jġib barka
Nikola kien ġeneruż mhux biss fil-ħajja tiegħu imma wkoll wara mewtu, bil-miraklu tal-manna – l-ilma li baqa’ joħroġ mill-għadam tiegħu, għajn ta’ fejqan għal ħafna – u bit-talb tal-popli li jsibu fih protezzjoni u faraġ.
Illum nagħmlu talba biex dan il-qaddis ikompli jberikna. U nitolbu ħafna għal din il-parroċċa: għall-Arċipriet, għas-saċerdoti li jaħdmu pastoralment hawn, għall-kleru u għar-reliġjużi wlied ta’ din il-parroċċa u l-lajċi, u għall-familji kollha ta’ dan ir-raħal maħbub. U nkomplu nagħmlulu t-talba ħerqana tal-innu lill-Missier tagħna għażiż Nikola:
Bierek lilna u lil dar-raħal,
Żommna miegħek marbutin,
Biex xejn qatt qlubna minn qalbek
Ma jifridhom minn xulxin.
Inti l-anġlu ta’ ħajjitna,
Id-dawl u l-qawwa tagħna.
Fit-tiġrib li jdallam fuqna,
Inti dejjem waqaft magħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




