
Messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom tal-preżenza kollha tagħkom, u nispera li kulħadd daħal mix-xita. Veru li aħna nkantaw f’lejl tax-xitwa u bard, imma ma hemmx għalfejn nixxarbu wkoll. llum huwa mument li ngħidu grazzi, għażiż Monsinjur Edgar, grazzi, ta’ dan ir-rigal li qed tagħti lill-Kapitlu, lill-Arċidjoċesi, lil Malta. Inti semmejt 40 sena ta’ dedikazzjoni, 20 sena ta’ xogħol.
Nixtieq nirringrazzjak ukoll talli ħajjartni nakkumpanjak fil-pellegrinaġġ, flimkien mad-devoti tiegħek, f’Napli f’Ottubru li għadda, fejn mhux biss kont xhud dirett tal-passjoni u l-kompetenza tiegħek, imma wkoll tal-ambjent meraviljuż, straordinarju, l-impenn, fejn twieled dan il-kapulavur ta’ arti li inti qed tħallilna xempju sabiħ tiegħu. Ma ninsa qatt ukoll l-entużjażmu meta b’ċerta doża spjegaltina r-rwol ta’ kull pastur u l-istejjer ta’ arti li hemm wara kull wieħed. U rrealizzajna li aħna permezz tiegħek ser ingawdu din l-arti tal-aqwa kwalità imprezzabbli u unika.

Għalhekk il-grazzi tagħna ma jkunx grazzi tal-lum. Ippermettili ngħidlek grazzi f’isem il-ġenerazzjonijiet futuri li ser igawdu din l-għotja tiegħek meta aħna ma nibqgħux hawn vera li ma aħniex mgħaġġlin. Tafu li dejjem ngħidlu, naħseb li ħadtlu rasu. Jekk ma hemmx panadols il-ġenna Ngħidlu meta trid imma ma iniex mgħaġġel. Hemm il-ġenerazzjonijiet futuri. Meta aħna ma nibqgħux hawn ser jibgħqu jgawdu, jalla! Din l-għotja li int ser tħalli lill-Mużew tal-Katidral, lill-Arċidjoċesi u lil Malta. Jalla jkollna nies ġenerużi bħalek, Monsinjur Edgar li jifhmu li aħna ġejna għall-erbgħat ijiem hawnhekk u ma aħna ser nieħdu xejn magħna. Kemm hi ħaġa qaddisa u għażiża, li dak li l-Mulej ipprovdilna, inħalluh fejn jinżamm bl-akbar għożża.
Ippermettili wkoll f’isem id-Djoċesi, l-Arċidjoċesi, nassigurak li l-għotja tiegħek tkun rikonoxxuta u apprezzata, u miżmuma. Qed ngħidlek hekk quddiem il-President tal-Kapitlu għax jiena naf li qed jinterpreta s-sentiment tal-Kapitlu. Għax ir-rikonoxxenza mhux biss li ngħidulek grazzi imma inqisu li l-għotja tiegħek ikollha futur, u tkun magħrufa. U l-aħħar barka li nagħmel fuq l-għotja sabiha tiegħek Monsinjur, hija li ssir strument tal-aħbar it-tajba ta’Alla li sar Bniedem u għammar fil-konfussjoni tagħna.
Il-Presepju Naplitan din il-ħaġa joħroġha b’mod straordinarju: Alla twieled fil-konfussjoni tagħna l-bnedmin għax ried ikun Joshua, (Alla li jsalvana), imma ried ikun (Alla magħna). Nawguralek u niringrazzjak, u nirringrazzjakom ilkoll tal-preżenza tagħkom għax il-preżenza ta’ kull wieħed u waħda minnkom hija grazzi, silenzjuża imma preżenti lil din l-għotja straordinarja li ġejja minn qalb kbira. Grazzi Monsinjur.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta




