L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Diġà għaddew 40 jum mill-festa tal-Milied u bħalma nagħmlu kull sena llum imbierku x-xemgħat mixgħula f’idejna biex infakkru fil-profezija sabiħa ta’ Xmun, raġel anzjan li meta ħa t-tarbija Ġesù f’idejh qal: “Dan huwa d-dawl tal-ġnus” (Lq 2: 32). Qal ukoll li din it-tarbija hija s-salvazzjoni: “Għajnejja raw is-salvazzjoni” (Lq 2:30). Sejjaħlu wkoll “Glorja ta’ Iżrael” (Lq 2:32).

Dawn huma titli sbieħ għat-tarbija Ġesù; hija l-profezija li dan l-anzjan, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, iwassal u jifhem li hu qiegħed jara dak li stenna: il-faraġ ta’ Iżrael. Kemm huma titli sbieħ dawn. Meta nitolbu u nfakkru lilna nfusna imma anke lil Ġesù li huwa għalina faraġ, għalina huwa salvazzjoni, għalina huwa dawl, għalina huwa glorja. Kemm huma titli sbieħ ta’ Ġesù! Tkun ħaġa sabiħa li aħna, meta nitkellmu miegħu fit-talb, fil-familji tagħna, fil-monasteri tagħna, fil-komunitajiet reliġjużi, u waqt l-adorazzonijiet li nagħmlu quddiem Ġesù Ewkaristija nfaħħru lil Alla talli Ġesù huwa l-faraġ, is-salvazzjoni, id-dawl, u l-glorja tagħna.

Xmun imma jħares lejn il-Madonna, lejn omm Ġesù u b’ħarsa kiebja jispjegalha li dan it-tifel se jkun ukoll “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Diġa 40 jum wara t-twelid tiegħu, isseħħ ukoll il-profezija tal-kunflitt: li Ġesù se jirrestawra, se jwaqqaf, se jħaddem kontra l-ħażen. Se jkun sinjal li jmeruh biex “jingħarfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna” (Lq 2:35) jgħidilha Xmun.

Hu jħares lejha, lejn din il-mara rżina, lejn din l-omm żagħżugħa u jgħidilha: “Lilek sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:35). Mela m’hemmx biss it-titli sbieħ u ta’ glorja ta’ Ġesù imma Xmun iħares lejn din it-tarbija u jifhem li d-destin tagħha huwa wkoll ta’ tbatija minħabba l-qalb iebsa tagħna. Aħna għandna s-sinjal tal-faraġ, tas-salvazzjoni, tad-dawl u tal-glorja u mmeruh. Dan hu s-sinjal ta’ mħabba li l-Mulej bagħat fostna, lil Ibnu l-waħdieni magħmul bniedem, u aħna mmeruh u inwebbsu qalbna għalih.

Għalhekk għandna bżonn li l-Mulej jiġi biex jippurifikana bħalma smajna fil-profezija sabiħa ta’ Malakija. Il-Mulej “jidħol fit-tempju tiegħu” (Mal 3:1) u jidħol biex jippurifika l-poplu tiegħu. Imma din xi tfisser? Li l-qalb tal-ġebel li ħafna drabi jkollna għal xulxin u anke għalina nfusna, issir qalb tal-laħam, issir qalb mimlija ħniena, mogħdrija u mħabba. Dik hija l-vera purifikazzjoni għax jekk inti mingħalik pur imma supperv, mela għad baqagħlek x’taqdef, ħabib. Il-qalb safja hija dik il-qalb tal-laħam li taf tagħder u tħenn.

Imma aħna għaliex għandna bżonn immeru lil min ġie biex ifarraġna? Għalfejn għandna bżonn immeru lil min ġie biex jeħlisna u jsalvana? Għalfejn għandna nwebbsu qalbna għal min ġie fostna bħala d-dawl? Għaliex għandna nibżgħu minn min ġie biex jiksina bil-glorja?

Fit-tempju, Marija u Ġużeppi jippreżentaw offerta tal-fqar għax l-offerta kellha tkun ħaruf imma min ma setax jippreżenta ħaruf, il-Liġi tgħid li seta’ joffri par gamiem jew żewġt ibċieċen (ara Lq 2:24). Ġużeppi hekk għamel għax ma kellux biex jixtri ħaruf. Imma Marija kienet qed iġorr fi ħdanha l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Aħna u nitolbu għar-reliġjużi tagħna, illum nitolbu biex bil-ħajja, bil-kelma rżina tagħhom, u bit-talb tagħhom għalina jfakkruna li Ġesù għalina huwa l-faraġ, għalina huwa s-salvazzjoni, huwa d-dawl, u huwa l-glorja.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Mal 3:1-4
Salm: 23, 7-10
Evanġelju: Lq 2:22-40

More Photos >>