• Filwaqt li l-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) ittenni l-pożizzjoni tagħha favur il-ħajja, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni dwar it-ton li qed jiġi wżat fid-diskussjoni dwar l-Embryo Protection Act.

    B’dispjaċir ninnutaw illi f’diversi waqtiet d-dibattitu dwar din il-liġi qed jieħu t-ton ta’ ġlieda ta’ opinjonijiet. Ħafna drabi l-kliem użat, speċjalment fuq il-mezzi tal-midja soċjali hu ta’ tgħajjir u kliem li jweġġa’ lejn xulxin u lejn il-politiċi involuti fuq iż-żewġ naħat.

    Aħna, bħala Nsara, m’għandniex argumenti x’nirbħu jew x’nitilfu. Il-mandat li tana Ġesù Kristu hu li nkunu profeti fi żmienna li jwasslu l-verità tiegħu b’imħabba lejn kulħadd. Ma nistgħux nippretendu li din il-Verità nimponuha imma rridu nwassluha b’mod ċar u nagħmluha kemm jista’ jkun aċċessibbli għal kulħadd. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jaħdem fil-qalb ta’ kull persuna u li għandu l-qawwa li jibdilha u aħna b’ebda mod ma nistgħu nippretendu li neħdulu postu.

    Hija kontradizzjoni illi qed nargumentaw favur il-ħajja u fl-istess ħin qed noqtlu lil xulxin bi kliem iebes u kultant ta’ disprezz lejn xulxin. Ma nistgħux inkissru lil xulxin fit-tfittxija tas-sodisfazzjon li nirbħu argument, aktar u aktar meta s-suġġett in kwistjoni jirrigwarda l-ħajja u tant tbatija ta’ familji li għaddejjin mill-pjaga tal-infertilità.

    Id-diskussjoni tagħna għandha ddur mal-fatti hekk kif twassalhomlna l-Knisja u mdawlin mit-tagħlim ta’ Ġesù u mit-tfittxija kontinwa għall-verità. Hemm bżonn li waqt li niddiskutu nibqgħu ‘l bogħod minn kwistjonijiet sekondarji bħas-simpatija politika. Kliemna jrid ikollu t-ton li jirrifletti t-tagħlim tal-Evanġelju, anki jekk inkunu qed inħossuna frustrati u umiljati b’dak li jgħidulna.

    Nappellaw ukoll biex f’din id-diskussjoni ma nispiċċawx inpoġġu persuni li huma promoturi tat-tibdiliet fil-liġi bħala l-mira tagħna. Ejjew nirrispettaw lil dawn il-persuni, sew jekk huma politiċi, esperti jew stakeholders oħra. Dawn ukoll huma wlied Alla bħal dak l-embrijun li qed nipproteġu. Hemm bżonn li nifhmu l-messaġġ li ilu magħna aktar minn 2,000 sena: Ġesù rebaħ il-mewt u tana l-ħajja mhux billi ġġieled imma billi ta lilu nnifsu fuq is-salib għal kulħadd.

    Ejjew nitolbu għal dawk kollha li huma involuti f’din id-deċiżjoni, speċjalment għall-politiċi tagħna, biex il-Mulej idawlilhom moħħhom u qalbhom, itihom l-umiltà, l-għerf u s-sens ta’ sottomissjoni lejh biex b’hekk id-deċiżjoni li jieħdu tkun tal-akbar ġid għas-soċjetà.