L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Iż-żewġ kmandamenti tal-imħabba huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti” (Mt 22:40). Il-Mulej illum jagħtina l-grazzja b’din il-kelma li nifhmu wkoll il-gratitudni li għandha timla ’l qalbna aħna u nagħtu tislima Nisranija u xierqa lill-għażiż Mons. Philip Calleja.

Aħna nafdawh lill-ħniena ta’ Alla, li meta jaqra l-ittra ta’ ħajjitna jaf jibdel il-kliem tagħna fi kliem ta’ grazzja bħalma għamel Philip Calleja, żagħżugħ li meta ltaqa’ ma’ armla rrabjata għax binha kien emigra ma kkuntattjahiex, u indunat li dan iż-żagħżugħ ta’ madwar 19-il sena kien jaf jikteb u jaqra, qaltlu: ‘Ma tiktiblix ittra għat-tifel?’ U hi bdiet tesprimi r-rabja u l-frustrazzjoni tagħha.

Charles Buttigieg, ħabib kbir ta’ Mons. Philip, fakkarni li Mons. Philip diġà f’dik l-età tenera bl-intelliġenza umana tiegħu ma kitibx dak li bdiet tgħid l-armla imma beda jikteb kliem ta’ ħlewwa u jitlob ukoll lill-Madonna li ma tgħidlux jaqra dak li kiteb. U b’hekk wassal din l-ittra li din l-armla b’nota lil min jaqraha lil binha, għax aktarx binha la kien jaf jaqra u lanqas jikteb, ikun jista’ jgħidlu kemm ommu tħoss it-telfa tiegħu u tixtieq tisma’ l-aħbar tiegħu. Philip kien jirrakkonta li ħareġ minn dik il-laqgħa jibki. Hawnhekk wieħed jinnota din il-qalb ta’ umanità kbira li segwitu sal-aħħar nifs ta’ ħajtu: il-kapaċità li mhux biss ikollu intelliġenza intellettwali imma wkoll intelliġenza emottiva li biha jagħraf jifhem il-bniedem u jkun mexxej tassew.

Il-curriculum tiegħu f’dawn l-aħħar 93 sena hu twil, imma ta’ min ifakkar li twieled u trabba mhux biss fil-Belt imma wkoll fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija, li tagħha kien esponent qawwi prinċipali u mħeġġeġ. U fi ħdan l-Azzjoni Kattolika li hu wkoll seta’ jiżviluppa x-xewqa li l-Mulej poġġa fil-qalb tiegħu biex b’kull mezz, b’kull inizjattiva imma bil-kapaċitajiet kbar tiegħu jieħu ħsieb il-migrant, mhux biss l-emigrant, imma wkoll l-immigrant.

Mhux biss [kellu] intelliġenza intellettwali imma wkoll intelliġenza emottiva li biha jagħraf jifhem il-bniedem u jkun mexxej tassew.

Meta fil-jiem li ġejjin ikollkom ċans iżżuru il-Katidral tal-Imdina, bi dritt il-Kappella tas-Santissmu Sagrament fejn aħna wkoll inqimu ikona antika u venerabbli tal-Madonna, għandkom issibu mhux ’il bogħod mis-sagristija, l-irħama li tfakkar lil Mons. Philip. Saret meta kien għadu ħaj u l-kitba tagħha ddeċifraha u esprimiha hu. Imma ħaġa li tolqotni kull meta nkun għaddej biex insellem lis-Sagrament meta nidħol il-katidral u ngħaddi minn ħdejha, hi dawn iż-żewġ kelmiet li Mons. Philip poġġa biex jesprimi ħajtu, qalbu u ruħu: migrantium frater (ħu l-migranti). Morru arawha din. Għax dan hu l-monument, dawn iż-żewġ kelmiet li Mons. Philip xtaq li jkunu inċiżi fuq l-irħama b’tifkira tiegħu taħt l-arma tal-familja Calleja, jesprimu wkoll dak kollu li kien.

Nemmen ukoll fix-xirka tal-qaddisin, f’dak kollu li hu fix-xirka ta’ dawk li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi li ħadu fil-magħmudija. Hu kien verament wieħed mill-aħwa ta’ ħutna l-migranti. Nistgħu ngħidu li dak kollu li għamel biex il-flussi ta’ emigrazzjoni Maltija jkunu iżjed umana, jibqa’ dak il-kuntatt, dak il-pont bejn Malta, il-Kanada u l-Amerka, l-Awstralja u l-Ingilterra –jesprimi mħabba konkreta, hi waħda mill-glorjiet tal-Knisja Maltija fis-seklu 20 u 21.

Kien il-moħħ u l-qalb wara diversi inizjattivi li huma espressjoni ta’ din l-għażla li għamel Ġesù meta jħares lejn il-kmandamenti tal-Liġi. “‘Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir fil-Liġi?’ ‘Ħobb, ħobb lill-Mulej, ħobb lil għajrek’” (Mt 22: 36-37). Nistgħu ngħidu wkoll li Mons. Philip kien pontifex. Aħna nafuh ilkoll bħala bniedem li kien jesprimi l-fehma tiegħu mingħajr biża’ anke f’sitwazzjonijiet diffiċli ta’ pajjiżna ma beżax u ma staħax. Xi daqqa ta’ placards laħaq ħa wkoll il-Mosta. Imma l-kelma tiegħu kienet kelma msarrfa fil-fatti, kienet kelma ta’ raġel li jagħraf u jħobb tassew.

Dawn [huma] ż-żewġ kelmiet li Mons. Philip poġġa biex jesprimi ħajtu, qalbu u ruħu: migrantium frater (ħu l-migranti)

Għadni niftakru b’għafsa ta’ qalb imma b’għajnejh jilmgħu jispjegali x-xogħol ta’ paċenzja, kultant xogħol ingrat, li baqa’ jiddedika ruħu sal-aħħar hu u jkellem lill-migranti – mhux l-emigranti – l-immigranti li jaslu fuq xtutna mitlufin, mingħajr għeruq, mingħajr futur u kienu jersqu lejh, huma ta’ liema reliġjon huma, huma ta’ liema kultura u provenjenza huma. Kienu jsibu fih il-widna tal-paċenzja u l-qalb li tifhem imma wkoll istint qawwi u proattiv biex jagħmel xi ħaġa. Iggwadanja l-fiduċja ta’ ħafna, l-ammirazzjoni tagħna lkoll.

Mument kommoventi kienet il-laqgħa tiegħu mal-Q.T. il-Papa Franġisku akkumpanjat mis-suċċessur tiegħu Mons. Alfred Vella fin-Nunzjatura nhar it-3 ta’ April qabel il-Papa mar lejn Ħal Far biex jiltaqa’ mal-migranti. U kelli x-xorti nintroduċih lill-Papa b’dawn il-kelmiet. Għidtlu:  “Santitá, questo per noi é stato l’appostolo dei migranti, l-appostlu ta’ ħutna l-migranti’. Lil Mons. Alfred Vella, wara li telqu min-Nunzjatura, qallu: “Issa jiena nista’ mmut”, in-nunc dimittis ta’ Mons. Philip Calleja. U kienet laqgħa kommoventi dak li hu kien xhud tagħha f’Ħal Far fl-akkoljenza ta’ Patri Dijonisju Mintoff u ta’ suċċessur ieħor tiegħu, Dun Anton D’Amato.

Aħna nixtiequ nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan il-qaddej tal-Knisja, kollu kuraġġ u kbir tal-predeċessuri tiegħi: ta’ Mons. Gonzi, ta’ Mons. Mercieca, ta’ Mons. Cremona; u eżempju ħaj għal kull wieħed u waħda minna. Kien ukoll bniedem li jagħraf fejn sejra s-soċjetà imma kien ukoll bniedem li bil-kuntatti li kellu fuq livell kemm nazzjonali u kemm internazzjonali, kien xhud tal-Evanġelju.

Aħna nafu li “l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed u jokrob bħal waħda fl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8:22). Hekk smajna fit-tieni qari llum. Imma aħna wkoll għandna l-ewwel frott tal-ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna, waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied Alla, il-fidwa ta’ ġisimna. Aħna u nakkumpanjaw lil ħutna f’dan it-traġitt ta’ stennija tal-fidwa ta’ ġismu, din l-istennija tal-ħolqien ġdid, nitolbu lill-Mulej iħaddnu b’dik il-kelma li jgħid fl-Evanġelju ta’ San Mattew kapitlu 25: “‘Kont barrani u lqajtni’. ‘Meta Mulej?’” (Mt 25:35.39). “U inti ma tafx, Philip? Kemm-il darba ħadt paċenzja bija, kemm meta ħaddant l-emigranti Maltin u kemm ukoll meta ħaddant il-migranti li ġew fostna? Idħol fil-hena ta’ sidek”.

Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħ fis-sliem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Agħfas hawn biex taqra iktar dwar Mons. Philip Calleja.