L-Arċisqof Pawlu Cremona nnomina lil Anthony Mifsud, żagħżugħ ta’ 29 sena, bħala President tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ. Hu se jieħu post Fr Savio Vella sdb li ilhu jmexxi l-Kummissjoni għal dawn l-aħħar sitt snin.
Anthony Mifsud twieled il-Mosta fis-6 t’Ottubru, 1981. Wara li ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Stella Maris u fil-Kulleġġ S.Alwiġi, hu ggradwa fil-B.Sc. Biology & Chemistry mill-Universita’ ta’ Malta. F’din l-aħħar sena kien qed jgħallem fid-Dipartiment tal-Bijoloġija fil-Junior College. Kemm fi ħdan l-M.U.S.E.U.M. u ma’ gruppi ta’ Ġiżwiti kellu diversi esperjenzi maż-żgħażagħ fil-komunitajiet u fil-volontarjat, kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Filwaqt li għadu jagħti sehmu fi gruppi simili, issa se jkun qed jaħdem fil-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ u jkompli l-istudji tiegħu fil-livell ta’ Masters fil-Youth Ministry.
Il-ħatra ta’ lajk fi tmexxija ta’ waħda minn 16-il kummissjoni tal-Knisja f’Malta tixhed l-iżvilupp li sar mis-Sinodu Djoċesan ‘l hawn fejn diversi realtajiet ta’ tmexxija pastorali fil-Knisja qed jingħataw f’idejn persuni lajċi.