L‑Arċidjoċesi ta’ Malta, permezz tal‑Fondazzjoni għall‑Opri Soċjali, applikat u ngħatat il‑fondi tal‑Unjoni Ewropea biex tmexxi proġett soċjali għaż‑żgħażagħ tal‑Isla. L‑għan ewlieni tal‑proġett hu li jħeġġeġ u jagħti l‑għodda meħtieġa lill‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ ta’ bejn 12 u 19‑il sena, sabiex ikollhom esperjenzi pożittivi u opportunitajiet ġodda permezz ta’ programmi ta’ taħriġ.
Dan il‑proġett b’investiment ta’ €86,000, li 80% ser jiġu ffinanzjati mill‑Fond Soċjali Ewropew, tħabbar waqt konferenza tal‑aħbarijiet li saret dalgħodu fil‑Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina fl‑Isla. Il‑konferenza tal‑aħbarijiet ġiet indirizzata mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, mill‑Arċipriet tal‑Isla Dun Robin Camilleri u miċ‑Chairperson tal‑Fondazzjoni Opri Soċjali tal‑Arċidjoċesi Albert Debono.
Bħala parti minn dan il‑proġett li se jservi wkoll ta’ mudell għal parroċċi oħra, se ssir riċerka xjentifika fost iż‑żgħażagħ fl‑Isla biex mir‑riżultati miksuba jiġu mfassla korsijiet ta’ għarfien, snajja u mużika. Dawn il‑programmi differenti ta’ taħriġ se jgħinu liż‑żgħażagħ jagħtu kontribut lill‑komunità tal‑Isla u l‑Kottonera, inkluż bil‑volontarjat u bil‑parteċipazzjoni u l‑organizzazzjoni ta’ attivitajiet soċjali. Dan it‑taħriġ se jgħinhom ukoll jikbsu ħiliet ta’ management u komunikazzjoni, filwaqt li jiġu offruti wkoll għajnuna relatata mal‑edukazzjoni u x‑xogħol.
Is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, qal li permez ta’ dan il‑proġett li hu l‑ewwel wieħed tax‑xorta tiegħu, il‑parroċċa se toffri lill‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ tal‑Isla spazju fiżiku biex jiżviluppaw it‑talenti tagħhom. Qal ukoll li f’dan l‑istadju kruċjali ta’ ħajjithom, id‑diversi programmi ta’ taħriġ se jgħinuhom jibnu aktar kunfidenza fihom infushom u jiksbu ħiliet tant importanti fid‑dinja tal‑lum.
Is‑Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li
dan il‑proġett qed isir b’investiment totali ta’ €86,000, li €68,000 minnhom
ġejjin minn fondi Ewropej. Spjega li permezz ta’ dan il‑proġett, madwar 40
żgħażugħ li jgħixu fl‑Isla ser jipparteċipaw fi program ta’ taħrig li ser jipprovdilhom
ħiliet tal‑ħajja, għarfien u kompetenza li tippermettilhom jikkontribwixxu
għall‑ħajja tal‑komunità fiż‑żona tal‑Kottonera.
Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li dan il‑proġett huwa prova ċara tal‑viżjoni
ewlenija tal‑gvern, fejn in‑nies li qed jaffaċċaw diffikultajiet jingħataw l‑għajnuna
meħtieġa sabiex jilħqu l‑potenzjal kollu tagħhom.
Albert Debono, f’isem il‑Fondazzjoni għall‑Opri Soċjali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, qal li minħabba r‑realtà soċjali tal‑Kottonera, l‑adolexxenti mill‑Isla ta’ spiss jiltaqgħu ma’ sfidi li jirriflettu wkoll fl‑impenn tagħhom f’attivitajiet soċjali, edukattivi u vokazzjonali. Qal li huwa għalhekk li dan il‑proġett tal‑Knisja, li qed isir flimkien mal‑Fondazzjoni għas‑Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, se jgħin fit‑tisħiħ tal‑komunitajiet tagħna sabiex ikollna soċjetà b’saħħitha.
L‑Arċipriet tal‑Isla, Dun Robin Camilleri, qal li minkejja li l‑ibliet tal‑Kottonera u l‑madwar huma magħrufa għar‑riskju għoli ta’ faqar u esklużjoni soċjali, dan iċ‑ċentru fil‑parroċċa tal‑Isla se joffri spazju sabiex it‑tfal u ż‑żgħażagħ jiltaqgħu, jitgħallmu, jaqsmu l‑esperjenzi tagħhom, u jħossuhom parti minn soċjetà inklussiva.