Il-Provinċja Franġiskana Maltija ppubblikat ktieb bil-Malti għat-tfal dwar il-beatu żagħżugħ Carlo Acutis. Il-ktieb, li nqaleb għall-Malti minn Francesco Pio Attard, oriġinarjament inkiteb bit-Taljan minn Maria Teresa Antognazza, u fih illustrazzjonijiet ta’ Bruno Dolif.

Fi stqarrija, Attard spjega li din il-pubblikazzjoni tista’ tingħata bħala rigal lit-tfal tal-katekiżmu jew tfal li se jirċievu l-ewwel tqarbina jew il-griżma tal-isqof, “għax tista’ tgħin lit-tfal tagħna jitħabbu mal-ħajja ta’ tifel bħalhom li kien kuraġġjuż biżżejjed li jipprova jħobb ftit iżjed lil Ġesù b’ġesti żgħar imma qawwija fl-istess ħin. Carlo Acutis ifakkar lil kulħadd li l-qdusija mhix għall-eroj, imma għal kull wieħed u waħda minna, u nibdew naħdmu għaliha sa miċ-ċokon”.

Il-ktieb jista’ jinxtara mill-Kunventi tal-Patrijiet Franġiskani u minn ħwienet ta’ kotba ewlenin f’Malta u Għawdex għall-prezz ta’ €8.50. Għal iktar tagħrif ibgħat lil Fra Lorrie Zerafa OFM fuq [email protected].

Carlo Acutis – L-Appostlu tal-Internet

Carlo Acutis twieled f’Londra fit-3 ta’ Mejju 1991 u miet f’Monza, l-Italja fit-12 ta’ Ottubru 2006. Kien jaf juża t-teknoloġija tal-komunikazzjoni biex iwassal l-Evanġelju u biex jikkomunika l-valuri Kristjani. Qabel miet fl-2006, irnexxielu joħloq database online dwar mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja. Minħabba f’hekk kien magħruf bħala l-Appostlu tal-Internet u ġie beatifikat f’Assisi f’Ottubru tal-2020.

Il-ġid li għamel f’ħajtu u l-eżempju, anke wara mewtu, wasslu lill-Papa Franġisku biex fl-2019 jipproponih bħala mudell ta’ ħajja Nisranija għaż-żgħażagħ ta’ żmienna.

F’Malta d-devozzjoni lejh bdiet tikber ġmielha. Meta f’Novembru li għadda nġabet l-ewwel relikwa ta’ Acutis, li kien fiha żewġ troffiet minn xagħru, kienu ħafna li marru jitolbu fil-preżenza tagħha. Ir-relikwa nġiebet Malta b’inizjattiva tal-Patrijiet Franġiskani biex titqiegħed fl-ewwel kappella ddedikata lilu fil-Kunvent tagħhom tar-Rabat.

Sors: Newsbook.com.mt