Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Sarah Salafia
Il-festa, li qed niċċelebraw illum, tat-Trinità Qaddisa hija solennità importanti ħafna fil-ħajja tal-Knisja. Jekk naħsbu ftit, kull meta rroddu s-salib u f’diversi talbiet waqt il-quddies, dejjem qed nitkellmu fuq dan il-misteru kbir: li Alla huwa wieħed, imma f’Alla hemm tliet persuni: il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Hija festa fil-qalba tal-fidi tagħna.
Aħna ngħidu, bir-raġun, li dan hu misteru. Imma mhuwiex misteru li jħawwadna, imma misteru li jħaddanna. Mhux misteru bħal meta ngħidu aħna li hemm konfużjoni, għax ma tistax tifhem, u tgħid “għalxejn, ma nifhimx”. Huwa veru li aħna, fil-moħħ żgħir tagħna, ma nistgħux indaħħlu l-immensità u l-kobor ta’ Alla. Imma hu misteru għaliex huwa hu li jħaddanna, li jistedinna għal din il-ħajja miegħu. Bħalma l-ulied iż-żgħar jintelqu f’idejn l-omm u l-missier b’fiduċja, anke meta mhux dejjem jifhmu, u hemm iħossuhom tassew siguri, hekk hu aħna fi ħdan Alla – Alla li jħaddanna miegħu.
Relazzjoni ta’ mħabba
X’tgħidilna fil-qofol dil-festa tal-lum? Li Alla huwa mħabba, huwa relazzjoni ta’ mħabba. U f’din ir-relazzjoni ta’ mħabba hemm din il-komunjoni sħiħa. Meta aħna naħsbu fil-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, hemm din l-għaqda waħda sħiħa – li, fil-fatt, twasslilna dan il-messaġġ tal-ħajja tal-ħajja ta’ Alla, tal-ħajja intima tiegħu, li tfisser: Alla hu mħabba.
U s-sabiħ ta’ din il-festa hu li ma tgħidilniex biss min hu Alla, imma wkoll min hu Alla għalina: li Alla mhuwiex xi ħadd maqtugħ, ’il bogħod minna. F’ċerti kulturi, kultant, kellhom din l-idea ta’ Alla li hu maqtugħ, ’il bogħod, sever; mentri din il-festa tgħidilna li Alla li hu mħabba ried li aħna nipparteċipaw, sejħilna biex nieħdu sehem f’din il-ħajja tiegħu ta’ mħabba.
Għalhekk, meta aħna nitgħammdu – u l-magħmudija ssir fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu – Alla jseħibna f’din il-ħajja tiegħu ta’ mħabba, u jagħmilna wlied il-Missier, ħut Ġesù Kristu, u tempju tal-Ispirtu s-Santu.
Din hija s-sejħa li jagħmlilna biex aħna nissieħbu miegħu fil-ħajja ta’ mħabba. U nindunaw, fil-fatt, li l-isbaħ esperjenza tal-ħajja tagħna hija meta aħna nħobbu u nkunu maħbuba. Hekk hi l-ħajja tat-Trinità, u hekk hi l-isbaħ esperjenza tal-ħajja tagħna għax Alla ried li jseħibna f’din il-ħajja tiegħu.
Ħajjitna rifless tat-Trinità
Imma ried mhux biss li jseħibna, imma ried li aħna nixbhuh ukoll. Fil-fatt, aħna maħluqa xbieha ta’ Alla li hu mħabba. Għalhekk ried li aħna nixbhuh fil-ħajja tagħna, billi ngħixu tassew din l-imħabba mal-oħrajn b’mod li nirriflettu tassew, fil-ħajja tagħna, il-ħajja tat-Trinità.
Kemm hi sabiħa din meta taraha fil-familja, fil-Knisja, fis-soċjetà – meta tara min qed jgħix tassew din l-imħabba, rifless tal-ħajja tat-Trinità. Jiġifieri f’armonija, imma fir-rispett ukoll tad-diversità. Fir-rispett ta’ persuni differenti li jiffurmaw il-familja imma f’armonija sħiħa. L-istess fil-ħajja tal-Knisja, fir-rispett ta’ realtajiet differenti.
Illum, meta għandna hawnhekk magħna dawn il-persuni li qegħdin hawnhekk għall-Konferenza fuq it-Teoloġija mill-Mediterran – għandna hawnhekk il-baħar tal-Mediterran li proprju jgħaqqad flimkien persuni ġejjin minn nazzjonijiet differenti, bil-kulturi tagħhom, bl-istil ta’ ħajja tagħhom – imma f’għaqda waħda flimkien, f’armonija. Dan huwa rifless sabiħ ta’ din il-festa tat-Trinità.
Kontra mentalità tribali
Il-Mulej jurina kemm hu importanti li aħna, għalhekk, noqogħdu attenti minn dak li jfixkel lilna milli ngħixu din il-ħajja sabiħa tat-Trinità, ħajja ta’ mħabba. Kultant ikollna din it-tendenza li ninqatgħu għalina, li aħjar “tagħna f’tagħna”, il-grupp tagħna. Qisha mentalità li nsejħulha “tribali” – ta’ tribù.
Din teżisti kultant bejnietna, teżisti kultant anke fil-komunitajiet tagħna – meta, per eżempju, ninqatgħu għalina, bħal fi gruppi differenti, anke kultant fl-istess ċelebrazzjoni ta’ l-istess festi tagħna fil-parroċċi. Ninqatgħu għalina, u nħarsu lejn l-oħrajn bħala avversarji. Mentri s-sejħa ta’ Alla Trinità hija li aħna ngħixu fir-rispett tad-diversità ta’ xulxin – kulħadd għandu l-ħajja differenti tiegħu – imma fir-rispett ta’ din id-diversità ngħixu f’armonija.
Għalhekk kemm ma jagħmilx sens meta niltaqgħu ma’ kliem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-komunitajiet tagħna, meta tisma’ per eżempju, il-kliem “dominanza assoluta” jew “superjorità”. Meta tgħid “dominanza assoluta” għal grupp, jew għal banda, jew għal partit, int qed tgħid xi ħaġa li hi bla sens, vojta, imma tmur kontra dak li jurina Alla Trinità – li hu l-immensità imma ried jgħaqqadna flimkien fl-imħabba, fir-rispett tad-diversità. Kemm hu sabiħ meta aħna ngħixu tassew dak li tgħallimna din il-festa tat-Trinità.
Destinazzjoni tagħna
It-Trinità hija wkoll id-destinazzjoni tagħna. Mhux biss il-mod kif għandna ngħixu hawn, imma aħna msejħin biex naslu fis-sema pajjiżna fejna aħna jkollna mbagħad il-milja ta’ din il-ħajja tat-Trinità.
Għalhekk, illum tajjeb li f’din il-quddiesa, nitolbu lill-Mulej biex aħna nagħrfuh dejjem kif uriena li hu: Alla li hu mħabba. Nagħrfuh bħala Alla li mhux maqtugħ għalih, imma li hu relazzjoni ta’ mħabba. Alla li mhux ’il bogħod minna, imma viċin tagħna. Alla li jridna mhux ngħixu aħna għalina u hu għalih, imma jridna li nixbhuh tassew billi fil-ħajja tagħna nkunu strumenti ta’ għaqda, ta’ paċi, ta’ mħabba, ta’ rispett lejn il-ħajja u d-dinjità tal-oħrajn, b’mod li nirriflettu tassew il-ħajja tat-Trinità fina.
Ejjew, kull darba li rroddu s-salib, jew li ngħidu talba ta’ qima lejn it-Trinità, niftakru f’din is-sejħa li tagħmel lilna għall-ħajja tagħna. Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Qari tal-quddiesa
Qari I: Prov 8:22-31
Salm: 8:4-5,6-7,8-9
Qari II: Rum 5:1-5
L-Evanġelju: Ġw 16:12-15