L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm żewġ stampi reċenti, fost ħafna oħrajn, ta’ dulur kbir, li huma ta’ persuni milquta mill-invażjoni tal-Ukrajna. Waħda minnhom hi ta’ omm li tilfet lil binha ta’ erba’ snin. Dat-tifel flimkien man-nanna ppruvaw li jaħarbu mis-suldati li kienu viċin, imma rikbu f’dgħajsa li nqalbet fix-xmara. It-tifel għall-ewwel ma sabuhx, u damet 26 ġurnata tistenna li jsibuh. Fl-aħħar sabuh, imma kien mejjet. Kien vittma ta’ dak li qed jiġri fl-Ukrajna fi żmienna. Stampa oħra hi ta’ omm b’tifla ta’ sentejn, u fl-ewwel ġurnata tal-invażjoni din l-omm bdiet taħseb: jekk jiena niġi nieqsa, u dit-tifla tiġi waħedha, kif se jkunu jafu min huma l-familjari tagħha? U għalhekk kitbet fuq daharha n-numru ta’ kuntatti u dettalji tal-familjari tagħha. F’dal-każ, dawn irnexxielhom, l-omm u l-bint, jaħarbu lejn Franza u jsalvaw.

L-akbar tbatija

It-tnejn li huma jfakkruna f’tant stejjer ta’ dulur li qed ngħixu fi żmienna fl-Ukrajna u f’diversi postijiet oħra fid-dinja, u speċjalment jfakkruna li waħda mill-aktar xeni ta’ qsim il-qalb: dik ta’ omm u missier li jitilfu lil xi ħadd minn uliedhom.

Dak hu li qed ngħixu llum, u dak li qed nagħmlu tifkira tiegħu llum meta niċċelebraw l-omm wieqfa ħdejn is-salib ta’ binha. Hi t-tifkira tal-akbar tbatija ta’ Marija li baqgħet sal-aħħar ħdejn binha Ġesù. It-tbatija tagħha kienet kbira b’mod partikulari għax kellha lil binha msallab, li ma għamilx ħlief ġid. Jekk idejh kienu marbuta mas-salib, taf li dawk huma l-idejn li tant fejqu u ħaddnu nies. Jekk kellu riġlejh imsammra, taf li riġlejh użahom biex iterraq u jxandar il-Bxara t-Tajba. U jekk kellu wiċċu sfigurat, taf kemm dak il-wiċċ ġab paċi u ferħ lin-nies. Hemm taħt is-salib, Marija għaddejja minn dan l-akbar dulur.

Ma kienx l-ewwel dulur tal-ħajja tagħha. Aħna nafu li mill-bidu din l-omm kellha tgħaddi minn ħafna tbatija, u kompliet hekk tul ħajjitha kollha. Imma taħt is-salib hu l-quċċata tat-tbatija tagħha.

It-tbatija mhijiex it-tmiem ta’ kollox

Marija taħt is-salib mhijiex biss il-figura tat-tbatija, imma ta’ kif tgħix it-tbatija. Hi dik li temmen bis-sħiħ li dak mhux l-aħħar mument u se jispiċċa kollox, imma dik hi t-triq biex Ġesù jifdi l-umanità. Tolqotna f’Marija Addolorata l-fidi tagħha għax taħt is-salib, meta tara lil Ġesù jispiċċa, hi tibqa’ temmen li dik mhix l-aħħar kelma. Għaliha kienet diffiċli, u kienet l-aqwa prova, speċjalment meta setgħet tiftakar dak li qalilha l-anġlu Gabrijel dakinhar li ħabbrilha li se ssir Omm Alla, u hi taħt is-salib kienet qed tara eżatt il-kontra ta’ dak li kien qalilha l-anġlu. Kien qalilha għal Ġesù: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ bin l-Għoli… u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” Meta tarah fuq is-salib, tara l-kontra ta’ dal-kliem: kbir mhuwiex imma dgħajjef; qed imut, mhux qed tara saltna li ma għandhiex tmiem. Imma hi tibqa’ temmen, u fil-fatt il-ġrajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù tat raġun lil Marija.

Omm l-umanità

Marija hi sinjal ta’ mħabba kbira, ta’ solidarjetà, u sinjal ta’ tama. Illum inħarsu lejn Marija li Ġesù fuq is-salib tahielna bħala omm. Fl-Evanġelju, rajnieh fuq is-salib, idur lejn Marija ommu u jgħidilha għal Ġwanni “Hawn hu ibnek”. U jdur fuq Ġwanni u jgħidlu “Hawn hi ommok”. Jagħtina dan ir-rigal sabiħ proprju fil-mument tal-akbar tbatija, u jħalliha bħala omm l-umanità, omm tagħna lkoll kemm aħna.

Marija tgħallimna li l-aktar importanti mhuwiex il-ħafna diskors, imma l-preżenza mimlija mħabba li tkun ħafna ta’ għajnuna u ta’ appoġġ

X’turina Marija bħala omm? L-ewwel nett turina li tifhimna. Tifhem it-tbatijiet tagħna, l-uġigħ tagħna għax għaddiet minnhom. Tifhem iż-żminijiet diffiċli li ngħaddu minnhom, minħabba mard, jew inkwiet familjari, jew konflitti, jew sitwazzjonijiet diffiċli personali. Ġesù tana omm, tahielna fuq is-salib, u din l-omm tifhimna.

Marija hi l-omm li takkumpanjana, viċin tagħna, timxi magħna l-mixja ta’ ħajjitna. Jekk aħna naċċettaw, hi timxi magħna. Tagħtina ħafna konsolazzjoni, għax timliena bil-paċi u bl-imħabba ta’ Ġesù. Tgħinna u tmexxina ’l quddiem biex qatt ma naqtgħu qalbna. Tmexxina ’l quddiem lejn il-mument meta niltaqgħu ma’ Ġesù fil-glorja, u nkunu miegħu għal dejjem fis-sema. L-omm li takkumpanjana tant tagħtina għajnuna fil-ħajja tagħna.

Preżenza ta’ mħabba

Marija hi wkoll l-omm li tgħallimna. Marija taħt is-salib tgħallimna speċjalment kif nistgħu nieqfu ma’ dawk li qed ibatu billi nuruhom l-appoġġ, is-solidarjetà. L-Evanġelju jgħidilna li kienet “wieqfa taħt is-salib”. Ma kinitx qed titkellem, jew tgħid ħafna diskors; kienet preżenti. Preżenza siekta ta’ mħabba li tagħmel differenza.

Nafu li waqt it-tbatija nistgħu ngħinu ħafna bil-preżenza tagħna. Kultant ma nkunux nistgħu ngħidu ħafna kliem; bħal meta tmur l-isptar, u tkun fejn xi ħadd, u ġieli ma tafx x’taqbad tgħid għax kull kelma tidher mhijiex flokha. Marija tgħallimna li l-aktar importanti mhuwiex il-ħafna diskors, imma l-preżenza mimlija mħabba li tkun ħafna ta’ għajnuna u ta’ appoġġ. Kif jgħid il-Papa Benedittu XVI fl-Enċiklika Alla hu Mħabba: “In-Nisrani jaf meta jkun il-waqt li jitkellem u meta għandu jiskot u jħalli l-imħabba titkellem hi”. Tant hemm bżonn li nkunu viċin dawk li għaddejjin minn tbatija bil-preżenza tagħna kollha mħabba.

Nitolbuha llum lil Ommna Marija tad-duluri, biex dejjem ngħożżuha bħala omm, u biex tkun dejjem magħna bħala omm li tifhimna, omm li takkumpanjana, u omm li tgħallimna kif inkunu bħalha preżenza kollha mħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju