• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, Gwardamanġa

    13 ta’ Ottubru 2018

     

  • “Marija Santissima, urina li inti ommna …” Din hi t-talba li għadna kif għamilna diversi drabi waqt ir-Rużarju aħna u mexijin fil-pellegrinaġġ lejn din il-knisja. Hi t-talba li tfakkarna li Ġesù fuq is-salib tana lill-Marija bħala ommna, rigal hekk sabiħ, u hi din l-omm li aħna ngħożżu u li lejha nduru biex timxi magħna f’ħajjitna.

    Aħna u niċċelebraw il-festa tal-Madonna ta’ Fatima f’din il-knisja parrokkjali ddedikata lilha, nixtieq li nitfgħu ħarsitna fuq din l-omm u naraw x’tgħidilna għal ħajjitna.


    Omm li tħobb

    Marija hi omm li tħobb, u kull meta niltaqgħu magħha fl-Evanġelju, dejjem narawha mimlija mħabba. Hi tagħraf il-ħtiġiet ta’ wliedha. Rajna fil-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana kif hi ndunat, u tidħol biex tgħid kelma lil Ġesù biex jgħin. It-talba li ngħidu qisha tirreferi sewwasew għal din il-ġrajja: “Marija Santissima, urina li inti pmmna, għalik jisma’ t-talb tagħna dak li twieled għalina u ried ikun bniedem bħalna”.  Innutaw: jisma’ t-talb tagħna “għalik”, jiġifieri għall-kelma li qalet Marija, Ġesù jagħmel il-miraklu.

    Għax tħobb, Marija tidħol biex tgħin, imbagħad toroġ mix-xena. Tagħmel dak kollu li tista’ b’solidarjetà mingħajr ma tipprova tiġbed l-attenzjoni fuqha nfisha. Aħna għandna bżonn din l-omm li tkun preżenti, li takkumpanjana f’ħajjitna. Għadna bżonnn ukoll li nieħdu l-parir tagħha.


    Omm tal-parir it-tajjeb

    Marija hi omm tal-parir it-tajjeb. L-iktar parir ċar li naqraw fl-Evanġelju u nibqgħu niftakruh hu dak li tat fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5) Hu parir li jiswa mitqlu deheb. Mhuwiex parir biss tal-okkażjoni, imma parir għall-ħajja. Dawn il-kelmiet huma l-aħħar ta’ Marija li nsibu fl-Evanġelji, u jaqblu mal-kelmiet tal-bidu, meta lill-Anġlu Gabrijel qaltlu: “Ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Din hi nota li nsibuha wkoll fuq il-Muntanja Tabor, meta l-leħen instema’ jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż … Isimgħu lilu” (Mt 17:5). Marija dejjem tipponta lejn Ġesù u tagħtina l-parir li nisimgħu l-kelma tiegħu u ngħixuha f’ħajjitna. Nistgħu ngħidu li f’dan il-parir hu miġbur dak kollu li Marija wasslet lit-tliet żgħażagħ ġewwa Fatima.


    Omm ta’ ftit diskors imma ta’ azzjoni

    Fl-Evanġelju, lil Marija nsibuha bħala omm ta’ ftit kliem. Mhemmx kliem żejjed. Anzi tixtarr u żżomm f’qalbha l-misteri ta’ Alla. Imma jekk ftit huwa d-diskors, ħafna huma l-fatti. Marija tagħmel dak li għandha tagħmel, fil-kwiet imma b’mod determinat, u ħajjitha kollha tgħixha b’dan l-istil.

    Għalhekk, Marija bħala omm, hi dik li lejha nersqu biex takkumpanjana, tħarisna u tisma’ t-talb tagħna. Imma hi wkoll għalliema bl-eżempju tagħha. Kif jgħid is-Sinodu Djoċesan ta’ Malta (1999-2003), fid-dokument Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni, 10: “L-istil ta’ Marija jrid ikun, u jinħass u jidher, fl-istil ta’ kif naħsbu, kif naslu biex nagħmlu l-għażliet tagħna, u kif immexxu l-ħidmiet kollha tagħna”.

    Għalhekk Marija hi wkoll eżempju. Hi omm u għalliema. Tgħallimna bl-istil ta’ ħajjitha. Turina li bħalha, aħna msejħin biex:

    1. Ikollna qalb li, bħal ta’ Marija, taf tħobb u tagħti każ. Inkunu sensittivi għal xulxin, l-aktar dawk li qed ibatu fis-skiet.
    2. Inwasslu l-parir tajjeb lill-oħrajn b’kelma ta’ ġid, li tkun tiswa ħafna.
    3. Inkunu preżenza mhux ta’ kliem żejjed u ħafna diskors, imma ta’ fatti. Niftakru dak li jgħid il-Malti: “bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti”.

    Nitolbu lil Marija biex tkun għalina omm u għalliema ta’ kif ngħixu ħajjitna. Nitolbuha biex twassalna għand Ġesù u tgħinna biex aħna wkoll inwasslu lill-oħrajn għand Ġesù.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa: 
    Qari I: Għerf 7:7-11
    Salm: 89(90)
    Qari II: Lhud 4:12-13
    Evanġelju: Ġw 2:1-11

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti