L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Kien l-Isqof Vincenzo Labini li 235 sena ilu bħal-lum ikkonsagra din il-kappella – li hi magħrufa bħala ta’ San Kalċedonju, għax hawnhekk hawn ir-relikwi tiegħu, u għada l-festa tiegħu, imma fil-fatt it-titlu tagħha hi ta’ Sidtna Marija ta’ Manresa. Din il-kappella tul is-snin laqgħet fiha tant nies biex jistgħu jitolbu flimkien, fosthom seminaristi meta hawn kien is-Seminarju tal-Arċisqof.

Illum qegħdin nagħmlu l-festa solenni tal-konsagrazzjoni ta’ din il-kappella. Xi jfisser meta ngħidu li din il-kappella ġiet ikkonsagrata lil Alla? Ifisser li dan hu post qaddis, dan hu post għażiż, kif smajna fis-salm: “Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej…” Hawnhekk aħna niġu biex niltaqgħu ma’ Alla, biex nitolbu. Niltaqgħu ma’ Alla li jħobbna, li jixtiqilna l-ġid, li jrid jimliena bil-barka u jagħtina l-għajnuna sħiħa tiegħu. Hawn niġu biex nistgħu nagħmlu dik l-esperjenza li smajna fl-Evanġelju skont San Ġwann li nkunu magħqudin ma’ Ġesu bħalma l-friegħi magħquda mad-dielja. Hawn niġu biex infaħħru lil Alla, nirringrazzjawh u nressqulu wkoll it-talbiet tagħna. Għalhekk id-dar tiegħu, ikkonsagrata lilu, hi post verament għażiż.

Hemm ħaġa oħra wkoll importanti. Meta aħna nidħlu f’dan il-post ikkonsagrat lilu, niftakru fil-konsagrazzjoni tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna. Għax aħna, permezz tal-magħmudija, ġejna kkonsagrati lil Alla. Għalhekk, bħalma dal-post hu għażiż għax ikkonsagrat lilu, hekk ukoll kull wieħed u waħda minna. Niftakru f’dak li l-Mulej jgħid fil-magħmudija tagħna lil kull wieħed u waħda minna: inti ibni l-għażiż, inti binti l-għażiża, fik insib il-għaxqa tiegħi. Għalhekk kull meta nidħlu hawnhekk, dal-post ifakkarna li aħna għandna ngħixu bħala wlied għeżiez ta’ Alla.

Id-dar tiegħu, ikkonsagrata lilu, hi post verament għażiż.

Hawnhekk ukoll niftakru, meta nidħlu f’dal-post, li din il-knisja hi magħmula ġebla fuq oħra, ġebla ma’ oħra, u flimkien tifforma dan il-bini li hu l-post għażiż, dar għażiża ta’ Alla. Hekk ukoll imsejħin biex inkunu ġebel ħaj fil-bini tal-Knisja tiegħu, aħna li flimkien niffurmaw il-poplu ta’ Alla. Għalhekk il-knisja stess tfakkarna li aħna din is-sejħa: biex inkunu tassew il-poplu ta’ Alla magħqudin bħala familja waħda bħalma l-ġebel kollu jingħaqad flimkien u jsir dan il-post għażiż.

Hawnhekk aħna niċċelebraw, f’din id-dar ta’ Alla, il-misteru tal-Għid, l-Ewkaristija. Santa Briġida, li tagħha qed nagħmlu l-festa llum, kellha mħabba speċjali għall-misteru tal-Għid, għall-kontemplazzjoni tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Għandha talb sabiħ fejn tfaħħar lil Alla għall-waqtiet differenti tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Imma Santa Briġida tgħallimna ħaġa importanti wkoll: li dak li niċċelebraw hawn, imsejħin biex ngħixuh ’il barra mill-ħitan u mill-bibien tal-Knisja. Għalhekk is-sejħa li ssirilna kull darba li ninġabru f’post għażiż bħalma hi l-knisja kkonsagrata lill-Mulej hi biex ngħixu barra l-knisja dak li niċċelebraw ġewwa, u l-barka li nirċievu hawn ġew inwassluha lill-oħrajn permezz tal-ħajja u tal-kelma tagħna.

Is-sejħa li ssirilna kull darba li ninġabru f’post għażiż bħalma hi l-knisja kkonsagrata lill-Mulej hi biex ngħixu barra l-knisja dak li niċċelebraw ġewwa

Ejjew illum nirringrazzjaw lil Alla, aħna u nagħmlu l-festa tal-konsagrazzjoni ta’ din il-kappella. Nitolbuh biex aħna dejjem ikollna rispett sħiħ lejn id-dar tiegħu, id-dar ikkonsagrata lilu; li dejjem niftakru fil-konsagrazzjoni tagħna fil-magħmudija, u ngħixu bħala wlied għeżież ta’ Alla; li nagħtu sehemna bħala ġebel ħaj fil-bini tal-Knisja tiegħu; u li dak li niċċelebraw fid-dar ikkonsagrata lilu ngħixuh ukoll barra l-knisja, biex hekk inkunu tassew sinjal tal-imħabba ta’ Alla li niċċelebraw hawnhekk.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju