L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ħares lejn Mattew bi mħabba ħanina u għażlu”. Dan hu l-kliem tal-Venerabbli Beda meta jikkummenta fuq ix-xena tal-Evanġelju tas-sejħa ta’ Mattew. Il-Papa Franġisku jgħid li dejjem laqtitu din l-espressjoni tal-Venerabbli Beda, u fil-fatt għażilha bħala motto tiegħu: “miserando atque eligendo”.
Ħa nħarsu lejn Ġesù. Il-Papa jgħid hekk: “Fih kollox jitkellem dwar il-ħniena. M’hemm xejn fih li m’għandux ħniena…. Anki s-sejħa ta’ Mattew tidħol f’dan ix-xefaq tal-ħniena. Hu u għaddej minn quddiem il-mejda tat-taxxi, għajnejn Ġesù ħarsu msammra f’dawk ta’ Mattew. Kienet ħarsa mimlija ħniena li ħafret id-dnubiet ta’ dak ir-raġel u… għażel lilu, il-midneb u pubblikan, biex isir wieħed mit-Tnax” (Misericordiae Vultus, 8).
X’naraw f’Ġesù f’din ix-xena tal-Evanġelju? L-ewwel nett, li l-għażla hija tiegħu. Huwa hu li jagħżel, bħalma naraw ukoll f’rakkonti oħra, huwa hu li jgħid f’dal-każ lil Mattew “ejja warajja” (Mt 9:9). U meta jagħżel, ma jagħżilx nies perfetti jew nies li bilfors għandhom reputazzjoni tajba. Fil-fatt, dawk li kienu jiġbru t-taxxi ma kellhomx reputazzjoni tajba. Imma Ġesu jagħżel lill-persuna biex imbagħad jittrasformaha, jibdilha. Jagħżel lil min hu midneb biex jgħinu u jagħtih imbagħad missjoni speċjali.
Hekk għamel f’dal-każ lil Mattew. Meta Mattew wieġeb – u nafu li wieġeb mal-ewwel għal din is-sejħa – minnu mbagħad Ġesù għamel dixxiplu u appostlu. Nafu x’bidla ġab f’Mattew għax ħalla lil Ġesù jittrasformah. U mhux biss fih. L-Evanġelju juri li mal-bidla li seħħet f’Mattew kien hemm nies oħra wkoll li ġew għand Ġesù permezz ta’ Mattew. Kien hemm diversi pubblikani u midinbin, jgħid l-Evanġelju, li “qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu” (Mt 9:10). Il-bidla seħħet f’Mattew imma, permezz tiegħu, il-bidla seħħet ukoll f’dawn in-nies li ġew għand Ġesù.
Fil-fatt, dan hu li jagħmel Ġesù. Lilna wkoll jibdilna u jittrasformana jekk aħna nħalluh. U jgħid għaliex. Hawn Ġesù jispjega ċar il-missjoni tiegħu. Jgħid: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom iżda l-morda” (Mt 9:12). U jinsisti li mhux lill-ġusti ġie jsejjaħ iżda lill-midinbin. Għalhekk aħna għandna nagħmlu l-qalb, għax ilkoll midinbin, ilkoll nagħrfu l-ħtijiet tagħna – bħalma nagħmlu fil-bidu ta’ kull quddiesa – imma nagħrfu wkoll li rridu nħallu lill-Mulej jibdilna. Jagħmilna dixxipli tiegħu, imbagħad appostli wkoll li nwasslu lill-oħrajn għandu.
Nitolbu lill-Mulej biex nagħrfu s-sejħat li hu jagħmlilna. Inħalluh dejjem jippurifikana u jibdilna f’dixxipli tiegħu u appostli li nwasslu lill-oħrajn għandu. U jgħinna wkoll biex ikollna l-istess spirtu tiegħu – din l-attitudni li tinkludi, mhux li teskludi; li tiġbed in-nies lejh, mhux li timbuttahom ‘il bogħod minnu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta