• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

  • Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor, Tas-Sliema
    11 ta’ Ottubru 2019

     

    “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli niġi għandek”. Dan il-kliem li Ġesù qal lil Żakkew meta kien fuq is-siġra jistennieh jgħaddi, kien kliem li ħasad lil Żakkew. Hu kien mar hemm u tela’ mas-siġra biex jara lil Ġesù mill-bogħod. Qatt ma immaġina li Ġesù se jgħidlu xi ħaġa bħal dik – “jeħtieġli niġi għandek”. San Luqa jgħidilna li meta sema’ dan il-kliem, Żakkew “niżel bla telf ta’ żmien u kollu ferħan laqgħu għandu”.

    Il-festa tal-konsagrazzjoni ta’ din il-Knisja ta’ San Girgor il-Kbir f’Tas-Sliema – qed niċċelebraw illum is-70 anniversarju tal-konsagrazzjoni – tfakkarna f’dak il-jum meta dan il-bini ġie ddedikat lill-Mulej, ikkonsagrat minnu biex ikun id-dar tiegħu. Matul dawn is-70 sena, l-istedina tal-Mulej kienet tfakkarna fl-istedina li saret lil Żakkew bid-differenza li hawnhekk hu jistedinna biex niġu fid-dar tiegħu. Flok “jeħtieġli niġi għandek”, lilna jistedinna biex immorru għandu niltaqgħu miegħu fid-dar tiegħu.

    Alla magħna

    Fl-ewwel qari mill-Ktieb tas-Slaten, Salamun jistaqsi: “Tassew li Alla se jgħammar fuq l-art?” Hu kien bena t-tempju tal-Mulej u beda jistagħġeb kif Alla se jgħammar fuq l-art.

    Ir-risposta għad-domanda tiegħu kellha ssir ħafna aktar ċara meta Ġesù sar bniedem fostna. Hu, li s-smewwiet ma jesgħuhx u li d-dinja ma tesgħux, għażel li jsir wieħed minna bl-iktar mod fqajjar. Għamel għażla partikulari, għax għażel post li t-titlu tiegħu kien għar. Bl-inkarnazzjoni tiegħu Ġesù daħal fil-qalba tal-istorja tal-umanità, u ħaddan lill-bniedem u lill-ħajja tiegħu. Meta fl-Aħħar Ċena waqqaf l-Ewkaristija, ħallielna l-preżenza reali tiegħu biex ikun tassew qrib tagħna, Alla magħna.

    Post qaddis

    Għalhekk, ir-risposta għad-domanda ta’ Salamun hi: Iva, Alla qed jgħammar f’din il-knisja. Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan il-post għażiż iddedikat lilu. Tajjeb niftakru li mhux aħna li nqaddsu dan il-post, imma hi l-preżenza ta’ Alla li tagħmel dan il-post qaddis. Il-preżenza tiegħu hi preżenza li ġġib is-salvazzjoni. Kif smajna lil Ġesù jgħid lil Żakkew: “Illum lil din id-dar ġietha s-salvazzjoni.”

    Aħna niġu fil-knisja biex niltaqgħu ma’ Ġesù l-Mulej, biex inħalluh jimla lil ħajjitna bl-imħabba u bil-paċi tiegħu. Niġu biex nisimgħu l-Kelma tiegħu li tagħtina l-ħajja. Niġu biex infaħħruh u nirringrazzjawh, u biex inressqulu wkoll it-talbiet li nagħmlulu b’fiduċja għax nafu li hu jismagħna. Hawnhekk, fil-knisja, nifhmu kemm hu veru l-kliem li tlabna fis-Salm: “Ħenjin dawk li jgħammru f’darek, huma jfaħħruk għal dejjem… Jum wieħed fit-tempju tiegħek aħjar minn elf jum f’post ieħor.”

    Aħna ma niġux il-knisja biex b’xi mod nippruvaw nipperswadu lill-Mulej biex jiġi jaqbel magħna. Niġu biex niftħu qalbna għalih u nħalluh jurina hu t-triq it-tajba li taqbel tassew għal ħajjitna u li tagħmlilna l-ġid.

    Kull darba li niġu hawn, il-Mulej jagħtina missjoni biex aħna nwassluH lill-oħrajn, ’il barra mill-knisja.

    Aħna lkoll ikkonsagrati

    Din il-knisja kkonsagrata hi l-post speċjali fejn aħna li niġu nqimu lil Alla niftakru li aħna lkoll ikkonsagrati lil Alla bil-magħmudija, meta sirna aħna t-tempju ta’ Alla, kif jgħid San Pawl. Din hi konsagrazzjoni li tagħmilna ġebel ħaj fil-Knisja. Il-bini stess tal-knisja, ġebla fuq oħra, ifakkarna fis-sejħa li għandna biex nagħtu sehemna b’mod responsabbli fil-ħajja tal-Knisja f’Malta. Aħna membri ta’ din il-familja, li hi l-Knisja, li hi familja sabiħa imma fl-istess waqt dejjem fi bżonn li tissaffa u tiġġedded.

    Il-bidla li sseħħ fina

    Meta aħna niltaqgħu f’din il-knisja, il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija għandha ġġib bidla fina ħalli nkunu nistgħu tassew ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum dak li niċċelebraw hawn. Żakkew, permezz tal-laqgħa ma’ Ġesù, ħa impenn li jibda jgħix b’mod onest, li jpatti għad-deni li għamel, u li jaħseb fil-fqar. L-impenn soċjali tagħna, ta’ integrità u ta’ għajnuna għall-fqar, għandu jkun frott sabiħ tal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù fil-knisja.

    Noħorġu ’l barra

    Ġesù jsejħilna biex inxandru l-Bxara t-Tajba lill-oħrajn b’ħeġġa u b’dedikazzjoni. Hu ma sejħilniex biex ningħalqu bejn erba’ ħitan jew biex ngħaddu ħajjitna nitgħaxxqu bina nfusna, imma biex noħroġu ’l barra għand ħafna oħrajn.

    Dak hu l-iskop ta’ kull knisja. Kull darba li niġu hawn, il-Mulej jagħtina missjoni biex aħna nwassluH lill-oħrajn, ’il barra mill-knisja. Bl-istess ħerqa li kellu Ġesù li jasal għand nies li kellhom biss xrara żgħira bħal Żakkew minn fuq is-siġra. Bħal Ġesù rridu naslu għand dawk li huma fil-periferiji, biex ngħinuhom jiltaqgħu ma’ Ġesù ħalli jistgħu jgawdu wkoll mis-salvazzjoni tiegħu.

    Nitolbu llum, f’dan l-anniversarju tal-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja ta’ San Girgor il-Kbir, li l-Mulej jagħtina l-grazzja li niltaqgħu miegħu hawnhekk fil-knisja, li hu jimliena bl-imħabba u bil-paċi tiegħu, li jgħinna nkunu poplu kkonsagrat lilu u ġebel ħaj fil-Knisja tiegħu f’Malta, u li jagħmilna xhieda tiegħu u ħabbara tal-Aħbar it-tajba llum.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju