L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Aħna mdorrijin li nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù u fiha naraw dak li jgħallimna għall-ħajja tagħna u li jurina kif għandna ngħixu l-ħajja tagħna. Imma hemm mumenti fl-Evanġelju fejn Ġesù jistaqsi, jagħmel hu l-mistoqsijiet. Kien hemm min ġabar dawn il-mistoqsijiet li għamel Ġesù – hemm iktar minn mija. U donnu mindu kien żgħir kien jagħmel dan, għax fl-Evanġelju skont San Luqa, fit-tieni kapitlu, hemm dak ir-rakkont meta Ġesù baqa’ fit-tempju, u marru Marija u Ġużeppi jfittxuh, u l-Evanġelju jgħid li sabuh fost l-għalliema, “jismagħhom u jistaqsihom” (Lq 2:46).

Fl-Evanġelju tal-lum, skont San Luqa wkoll, Ġesù jagħmel żewġ mistoqsijiet lid-dixxipli tiegħu. L-ewwel: “Min jgħidu n-nies li jien?” Ġesu ried x’jisma’ x’jaħsbu n-nies. U jgħidulu: Ġwanni l-Battista, jew Elija, jew wieħed mill-profeti. Tindunaw li ma hemmx risposta waħda tajba. Din kienet l-impressjoni li kellhom diversi nies. Hawn Ġesù diġà joħroġ xi ħaġa importanti u ta’ tagħlima għalina: li dak li jaħsbu n-nies mhux bilfors hu veru, u qatt ma jista’ jkun waħdu kriterju ta’ dak li hu veru. Hawnhekk naraw li dak li kienu jaħsbu n-nies fuqu kien żbaljat.

Ġesù, li ġie mhux bil-qawwa imma bid-dgħufija, li ġie mhux biex jaħkem imma biex jagħti lilu nnifsu u biex iġib saltna ta’ mħabba u ta’ paċi

Imbagħad Ġesù jagħmel mistoqsija oħra lilhom: “intom, min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru, li dejjem jitkellem l-ewwel, u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla”. Risposta tajba. Imma mbagħad Ġesù jagħmel xi ħaġa veru stramba. Jgħidilhom, jikkmandahom, biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. Kont timmaġina li Ġesù, meta sema’ dik ir-risposta, kien jgħidilhom lid-dixxipli: jaħasra, mela għidulhom lin-nies! Iċċarawlhom l-idea tagħhom, għax qed jgħidu ħafna affarijiet żbaljati! Le, ma jagħmilx hekk Ġesù. Jgħidilhom biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. Għaliex? Mela l-Aħbar it-Tajba għandek taħbiha?

Ir-raġuni nsibuha f’dak li jgħid Ġesù stess hawnhekk. Ġesù għaraf ċar li l-idea tagħhom ta’ Messija – l-idea tan-nies u anke ta’ diversi mid-dixxipli tiegħu – kienet differenti għalkollox. Għalhekk meta qed jgħidilhom hawnhekk li hu se jbati ħafna, jiċħduh il-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh u fit-tielet jum iqum – li t-triq tat-tbatija hi t-triq li twassal għall-glorja – raw f’dal-kliem tiegħu xi ħaġa differenti għalkollox. L-idea ta’ Messija fost in-nies kienet ta’ xi ħadd li jiġi bil-qawwa, li jeqred l-għedewwa, li jagħmel is-saltna u jaħkem fost in-nies, anke jekk hemm bżonn jiġġieled biex iġib dis-saltna. Din kienet il-kontra ta’ dak li għamel Ġesù, li ġie mhux bil-qawwa imma bid-dgħufija, li ġie mhux biex jaħkem imma biex jagħti lilu nnifsu u biex iġib saltna ta’ mħabba u ta’ paċi – għalhekk kienet differenti ħafna!

X’nitgħallmu għal ħajjitna llum? Lilna wkoll Ġesù jagħmel il-mistoqsija: intom min tgħidu li jien? Din qalb dak li jaħsbu nies differenti fuqu. Għal kull wieħed u waħda minna din hi mistoqsija importanti. Meta nwieġbu din il-mistoqsija, ma għandniex ngħidu biss dak li tgħallimna fuqu, imma verament għall-ħajja tagħna min hu Ġesù. Nitolbuh lil Ġesù biex it-tweġiba tagħna tkun tweġiba sinċiera, imma wkoll tweġiba korretta: li veru nagħrfuh bħala s-Salvatur tagħna, dak li ġie biex bil-mewt u l-qawmien tiegħu jsalvana. Nagħrfuh bħala l-Messija ta’ Alla; u bħala, kif aktar ’il quddiem kellu jgħidlu Tumas, “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”.

Nitolbu lill-Mulej biex nagħrfuh tassew bħala dak li jsalvana; u bħalma tlabna wkoll fis-Salm sabiħ tal-lum: Mulej tiegħi, Alla tiegħi, int l-għajnuna tiegħi, il-kenn tiegħi, il-ferħ u l-hena tiegħi.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju