L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Omm Ġesù kienet hemm”. Dan id-dettall hu l-ewwel wieħed li jagħtina San Ġwann meta jitkellem dwar it-tieġ f’Kana tal-Galilija. Jgħidilna mill-ewwel li Marija, Omm Ġesù, kienet preżenti. Qisu mill-bidu jrid jindika li din il-preżenza se tagħmel differenza kbira f’dan it-tieġ. Marija tissemma qabel Ġesù, li l-Evanġelju jgħid li kien preżenti wkoll mad-dixxipli tiegħu.
Nixtieq li nħarsu ftit lejn din il-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana, u naraw Marija f’dan it-tieġ, u x’tgħidilna hi għall-ħajja tagħna.
Ta’ ftit kliem
L-Evanġelju jgħidilna li fit-tieġ, li hu mument ta’ ferħ u ta’ ċelebrazzjoni, kien hemm xi ħaġa li marret ħażin. Naqas l-inbid – xi ħaġa li kienet tfisser sitwazzjoni imbarazzanti għall-għarajjes. Marija hi minn tal-ewwel li tinduna b’din il-problema u riedet tagħmel xi ħaġa dwarha. Għalhekk qalet ftit kliem lil Ġesù: “Ma għandhomx inbid”. Innutaw l-intervent ta’ Marija, fil-kwiet u bla storbju, mingħajr ħafna kliem u mingħajr ma tiġbed l-attenzjoni fuqha. Fil-fatt lanqas tgħid lil Ġesù “fittex agħmel xi ħaġa”, jew “qed nistenniek tagħmel xi ħaġa”, imma tgħidlu biss li ma baqax inbid.
Marija hi preżenza siekta, preżenza kollha mħabba, li ġġib biss ġid. Għandna bżonn li fil-familji tagħna tkun preżenti u takkumpanjana
Marija kellha fiduċja sħiħa f’binha Ġesù, li hu kien kapaċi jagħmel xi ħaġa biex jibdel is-sitwazzjoni. U t-tweġiba ta’ Ġesù kienet “is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Iktar ’il quddiem fl-Evanġelju skont San Ġwann, naqraw fuq is-siegħa ta’ Ġesù, meta juri lilu nnifsu u l-glorja tiegħu; hawn Ġesù qed jgħid li s-siegħa għadha ma waslitx. Imma, għalkemm ma waslitx, xi ħaġa se jagħmel.
Ħalliet f’idejh
X’għamlet Marija meta wieġeb hekk? Ma ppruvatx tipperswadih, ma qagħditx tagħmilha bi kbira, imma ħalliet f’idejh. U lill-qaddejja tgħidilhom: “agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Araw x’fiduċja f’Ġesù. Hi qaltlu x’inhi s-sitwazzjoni, imma hu jaf l-aħjar, u dak li se jagħmel żgur se jkun ta’ ġid.
U Ġesù jibdel l-ilma fi nbid, u jagħmel dan ukoll mingħajr storbju, mingħajr ħadd ma jarah jagħmel il-miraklu. Fil-fatt, kulma qal kien biex jimlew is-sitt ġarar kbar bl-ilma – dawn kienu jesgħu mal-mitt jew mija u għoxrin litru u l-qaddejja mlewhom sax-xfar – imbagħad biex inewluhom lil dak li qed jieħu ħsieb il-mejda. Innutaw: minn barra ma kien jidher xejn, u Ġesù lanqas ordna bi kliemu l-ilma biex isir inbid. Għamel kollox bl-istess stil ta’ Marija – fil-kwiet, fis-skiet, mingħajr storbju – u pprovda nbid b’abbundanza kbira, u nbid tajjeb ħafna, tant li dak li kien qed jieħu ħsieb il-mejda lanqas induna mnejn ġie l-inbid u ħaseb li l-għarus ħalla “l-inbid it-tajjeb” għall-aħħar.
Preżenza u interċessjoni
Ħa nħarsu lejn Marija, u naraw x’tgħidilna għal ħajjitna. L-ewwel nett, turina li l-preżenza tagħmel differenza. Bħalma għamlet differenza l-preżenza tagħha fil-ħajja ta’ dawn l-għarajjes, hekk tagħmel fil-ħajja tagħna, tal-familji tagħna. Hi preżenza siekta, preżenza kollha mħabba, li ġġib biss ġid. Għandna bżonn li fil-familji tagħna Marija tkun preżenti u takkumpanjana.
Marija hi dik li tidħol għalina, tgħinna bl-interċessjoni tagħha. Dik it-talba li ngħidu bi drawwa fir-rużarju jidher li għandha l-oriġini tagħha fil-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana. Ngħidu: Marija Santissima, urina li inti Ommna. Għalik – jiġifieri għall-kelma tiegħek – jisma’ t-talb tagħna Ġesù li twieled għalina u ried ikun bniedem bħalna.
Omm tal-parir it-tajjeb
Marija hi l-Omm tal-parir it-tajjeb, kif insejħulha f’waħda mill-invokazzjonijiet tagħna. Fil-fatt, hawnhekk lill-qaddejja tathom dak il-parir “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” – mhux “agħmlu dak li qed ngħidilkom jien”. Hu l-parir li tagħti wkoll lilna. Teħodna għand Ġesù u tistedinna biex nimxu kif jgħidilna hu, għax dik żgur hi t-triq it-tajba.
Marija setgħet tgħid dan, għax hekk għexet ħajjitha kollha, b’rabta mar-rieda ta’ Alla. Fil-fatt, jolqotna kif fl-ewwel ġrajja li niltaqgħu ma’ Marija, meta l-anġlu Gabrijel iwasslilha l-messaġġ mingħand Alla, hi tgħid “Ara jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. U hawnhekk, li hu l-aħħar kliem ta’ Marija li nsibu fl-Evanġelju, tagħti bħala parir dak li għexet ħajjitha kollha: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”, jiġifieri: imxu skont kelmtu. Hu parir tassew tajjeb, u t-tieġ ta’ Kana jurina li meta nagħmlu kif jgħidilna hu, ikollna l-ġid b’abbundanza.
Eżempju f’waqtu
Marija mhijiex biss dik li tgħinna bil-preżenza u bl-interċessjoni tagħha, u dik li tagħtina l-parir it-tajjeb, imma wkoll dik li tagħtina l-isbaħ eżempju kif aħna nistgħu nkunu ta’ għajnuna għall-oħrajn f’ħajjitna, speċjalment fil-ħajja tal-familja.
Aħna wkoll, meta nindunaw li hemm xi ħaġa mhix f’postha, nistgħu jew inħarbtu kollox b’kummenti mhux flokhom li joħolqu diviżjoni jew inkwiet – nafu kemm din tiġri wkoll fil-ħajja tal-familja – jew nagħmlu bħal Marija: li bil-kwiet u bis-skiet, mingħajr ħafna storbju u mingħajr ma nidhru jew inqiegħdu lilna nfusna l-protagonisti, inkunu ta’ għajnuna. Speċjalment nagħmlu dan meta nieħdu quddiem Ġesù fit-talb tagħna sitwazzjonijiet diffiċli jew ta’ tbatija, u nqiegħdu quddiemu dak li ngħaddu minnu b’fiduċja li hu jgħinna. Il-preżenza tagħna hi wkoll preżenza ta’ ġid meta nfakkru lill-oħrajn dak li qalet Marija: agħmlu dak li jgħidilkom hu. Hu Ġesù li dejjem iridilna l-ġid, u l-kelma tiegħu hi dawl għal ħajjitna.
Nitolbu llum lil Marija biex tkompli takkumpanja lilna u l-familji tagħna, u tidħol għalina fil-ħtiġijiet tagħna, u biex tkompli turina kif aħna nistgħu nkunu bħalha preżenza mimlija mħabba u ta’ ġid, skont il-qalb ta’ Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju