L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fil-bidu tal-quddiesa dejjem hemm talba li fiha nitolbu lil Alla jaħfrilna. Waħda mit-talbiet hi dik li għedna llum, fejn ngħidu “jien dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil u billi ħallejt dmirijieti”, u nżidu “ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-akbar ħtija tiegħi…” Din mhix talba li ngħidu għall-kirjanza, imma talba li ngħiduha bis-sinċerità tal-qalb, għax nemmnu li aħna lkoll midinbin, u nersqu lejn il-Mulej bit-talba li hu jaħfrilna dnubietna, isalvana u jgħinna biex ngħixu dejjem aktar kif irid hu.

Hawn fl-Evanġelju Ġesù hu mdawwar b’nies – il-Fariżej – li meta jħarsu lejn l-oħrajn, flok din it-talba, kienu jgħidu u jħossu fihom: “ħtija tiegħu, ħtija tagħha, bl-akbar ħtija tagħhom…” Għax huma kienu jqisu lilhom infushom il-ġusti, u l-bqija l-midinbin. Imma Ġesù jgħidilhom: “mhux il-ġusti ġejt insejjaħ imma lill-midinbin” u jurihom kif “it-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma b’saħħithom, imma l-morda.”

Ġesù jfakkarna li aħna mmorru l-knisja għaliex midinbin li nagħrfu l-ħażen tagħna, imma nagħrfu wkoll li l-Mulej isalvana hu u joħroġna mid-dnub tagħna. Għalhekk il-knisja tilqa’ fiha lill-midinbin.

Fl-Evanġelju, Mattew hu wieħed minn dawn il-pubblikani li sejjaħ Ġesù. Qallu “ejja warajja”, u dak qam u mar warajh. San Beda, fil-kummentarju tiegħu sabiħ fuq din is-silta, l-għażla ta’ San Mattew, jgħid fuq Ġesù: “Il-ħarsa li xeħet fuqu, aktar milli daqqa ta’ għajn minn barra, kienet ħarsa ta’ ħniena minn ġewwa. Ra bniedem pubblikan, ħares lejh b’ħarsa ta’ ħniena u ta’ għażla, u qallu ‘Ejja warajja’.” Dik kienet l-għażla ta’ Ġesù.

Dik hi l-ħarsa sabiħa ta’ Ġesù li lilna tagħmlilna ħafna kuraġġ. Il-Papa Franġisku ħa bħala l-motto tiegħu proprju din is-silta mill-kummentarju ta’ San Beda fuq l-għażla ta’ San Mattew, meta jgħid: “ħares lejh b’ħarsa ta’ ħniena u ta’ għażla”. Din turina li aħna lkoll midinbin li għandna bżonn il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla. Aħna ma niġux fil-knisja għax aħna perfetti. Kieku l-knisja kienet tilqa’ biss fiha lill-perfetti, kieku l-knejjes huma vojta. Ġieli jkun hemm min jirraġuna hekk, jgħid: “jiena ma mmurx il-knisja għax dawk ipokriti”, speċi “jiena m’iniex bħalhom”. Imma Ġesù jfakkarna li aħna mmorru l-knisja għaliex midinbin li nagħrfu l-ħażen tagħna, imma nagħrfu wkoll li l-Mulej isalvana hu u joħroġna mid-dnub tagħna. Għalhekk il-knisja tilqa’ fiha lill-midinbin.

Issa dan ifisser – u tajjeb li nagħmluha din id-domanda – li aħna nkunu kuntenti fid-dnub tagħna? Xejn minn dan! Il-Papa Franġisku jagħmel distinzjoni tant importanti bejn qalb midinba u qalb korrotta. Qalb midinba tfisser li aħna nagħrfu l-ħazin, u ngħidulu b’ismu “ħażin”, nagħrfu li għamilna l-ħażin, jiddispjaċina tiegħu, u nitolbu maħfra lil Alla u Alla jagħtina l-maħfra bil-ħniena tiegħu. Dik hi qalb midinba. Qalb korrotta hi qalb ta’ xi ħadd li jissetilja fil-ħażen. Aċċetta li flok il-ħażin jgħidlu ħażin, jgħid “dan hu l-istil tal-ħajja tiegħi, u ngħix hekk”. U għalhekk jibqa’ jgħum fil-ħażen, għax aċċetta li dak hu l-mod kif jgħix. Biex niftiehmu, ara d-differenza bejn xi ħadd li jisraq xi ħaġa, jagħraf li għamel ħażin, jitlob maħfra lil Alla permezz tal-qrar, u jroddha lura. Dik hi qalb midinba li titlob il-ħniena ta’ Alla. Qalb korrotta hi jekk xi ħadd li jieħu dak li mhux tiegħu iktar bil-moħbi u minn taħt milli li jidher, u jgħid “X’fiha? Mhux kulħadd hekk jagħmel? B’daqshekk?”, u jibqa’ għaddej. U dak jagħżlu bħala l-istil tal-ħajja tiegħu. Dik qalb korrotta li ma taċċettax il-maħfra u l-ħniena ta’ Alla.

Nitolbu lill-Mulej llum, imdawlin bil-kelma tiegħu, li aħna nagħrfu d-dnubiet tagħna, nitolbuh il-maħfra u l-ħniena tiegħu, u li qatt ma nissetiljaw fil-ħażen b’mod li jkollna qalb korrotta, imma li l-qalb tagħna tkun dejjem miftuħa għall-maħfra u l-ħniena tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju