F’għeluq is-sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar investiment ta’ €1.7 miljun f’xogħlijiet ta’ restawr fil-Knisja u l-Kulleġġ tal-Ġiżwiti li se jiżdiedu mat-€2.8 miljun li diġà ġew investiti mill-2015 sal-lum, sabiex din il-ġawhra patrimonjali tirritorna għall-istat glorjuż tagħha u tkompli titgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Il-Knisja kienet inbniet bejn l-1593 u l-1609 mill-Ordni tal-Ġiżwiti u fiha xogħlijiet ta’ arti ta’ Mattia Preti, Giovanni Battista Caracciolo, Stefano Erardi u Alessio Erardi, fost oħrajn, u l-artal titulari huwa magħmul minn Filippo Paladini. Il-kumpless jinkludi żewġ oratorji, wieħed magħruf bħala l-Onorati u l-ieħor bħala l-Immakulata Kunċizzjoni.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici saħaq li l-Gvern flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta qed jikkommettu ħidma sabiex tibqa’ tiġi ssalvagwardjata l-Knisja u l-artifatti interni. Huwa faħħar il-ħidma tal-fondazzjoni, li għandha l-għan prinċipali li tamministra u tikkonserva l-Knisja taċ-Ċirkonċiżjoni, magħrufa aħjar bħala l-Knisja tal-Ġiżwiti, flimkien mal-Oratorji tal-Onorat u l-Immakulata Kunċizzjoni li jmissu magħhom.

“Permezz tal-fondazzjoni, qed jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ proġetti biex intejbu mhux biss il-faċilitajiet iżda wkoll isir ir-restawr neċessarju sabiex il-Knisja u l-wirt straordinarju li fiha tkun tista’ titgawda mill-pubbliku u t-turisti,” temm jgħid Dr Bonnici.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, li huwa wkoll membru fil-fondazzjoni, spjega li fl-ewwel sena sar ħafna xogħol ta’ konservazzjoni u restawr, kemm fil-knisja kif ukoll fl-oratorji, u dan jixhed il-koperazzjoni sħiħa li hemm bejn il-Knisja u l-Gvern biex din il-ġawhra fil-Belt Valletta eventwalment tinfetaħ għall-pubbliku bħalma hu l-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Fondazzjoni Dr David Camilleri sostna illi matul din is-sena li twaqqfet il-fondazzjoni, twettqet ħidma importanti b’kollaborazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja. Huwa sostna illi la jitlesta r-restawr estensiv li għaddej bħalissa, se jżid l-għarfien ta’ dan il-monument ġewwa l-Belt Valletta li twassal sabiex tokkupa post importanti fix-xena kulturali u turistika.

Ix-xogħlijiet bdew fl-2015 bir-restawr tal-bejt tal-Knisja tal-Ġiżwiti, il-koppla, il-kupletti ta’ fuq il-kappelli u l-kampnar. Ix-xogħlijiet tkomplew bir-restawr tal-faċċati tal-Knisja u bit-tiswija fis-saqaf tal-injam ta’ fuq l-Oratorju tal-Onorati. Saru wkoll xogħlijiet ta’ restawr u pavimentar fil-bitħa tal-kulleġġ, illum il-Valletta Campus tal-Università ta’ Malta, u l-faċċati esterni fi Triq il-Merkanti, fi Triq San Kristofru u fi Triq San Pawl.

Fl-2021 bdew ix-xogħlijiet biex jinbidlu s-sistemi mekkaniċi u elettriċi eżistenti u jsiru xogħlijiet ta’ restawr fis-sagristija u fl-oratorji tal-Kunċizzjoni u dik tal-Onorati. Bħalissa għaddejjin ukoll xogħlijiet fuq is-servizzi fl-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni. Saru tiswijiet fil-balavostri ta’ fuq il-bieb tal-oratorju kif ukoll fit-twieqi. Ladarba jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-ħitan u s-saqaf, ikun jista’ jibda r-restawr tal-artal. 

Dawn ix-xogħlijiet qed isiru mid-Direttorat tar-Restawr, taħt il-gwida tal-Perit Mark Azzopardi.