L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna wkoll fil-mumenti ta’ dlam naħsbu li din l-aħbar hi biss thewdin bħalma ġralhom l-Appostli.

In-nisa li l-Evanġelju ta’ San Luqa jsemmihom b’isimhom —”Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom” (Lq 24:1-10)— kienu wasslu l-aħbar li l-qabar li fih ippretendew li jsibu l-katavru tal-imgħallem mislub u mejjet, kien vojt.

“F’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: ‘L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? M’huwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija’” (Lq 24:4-6). In-nisa ftakru fi kliem Ġesù u telqu minn ħdejn il-qabar biex jagħtu l-aħbar.

L-ewwel reazzjoni tal-ħdax-il appostli u tal-oħrajn hi li dan id-diskors kollu stħajluh thewdin u ma emmnuhomx.  

Illum irridu nsegwu lil Pietru, is-sajjied umli u żbukkat li lill-Mulej qallu li se jagħti ħajtu għalih u li mbagħad ċaħdu. Iżda f’dak il-mument ta’ inċertezza ta’ aħbar stramba u ġdida, “Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara” (Lq 24:12).

Aħna rridu nsegwu lil Pietru. Il-qabar ta’ Kristu għadu magħna, anke għalkemm fis-seba’ seklu, il-Persjani reidu jeqirduh. Iżda aħna għad baqgħalna xi ħajt jew tnejn mill-qabar tiegħu u iżda nafu l-post fejn kien, bħalma kienu jafu l-Persjani.

Il-post tal-qabar nafuh, bħalma nafu l-post tal-qurriegħa fejn issallab l-Imgħallem. Imma l-qabar vojt ta’ Kristu jħallilna liberi nagħmlu għażla: li mill-istagħġib ngħaddu għall-fidi; li nħossu li l-qawmien tal-Mulej mhijiex thewdin imma aħbar tajba li ta’ min nagħtu ħajjitna għaliha.

21 ħaddiem li ma ċaħdux lil Ġesù

Ħuti, intom tafu li din is-sena għalaqt 10 snin arċisqof. Ma nafx kif jgħaddi ż-żmien.

Il-Papa Franġisku nnominani arċisqof, ragħaj ta’ din il-Knisja għażiża fis-27 ta’ Frar 2015. Ftit jiem qabel ma sirt arċisqof, fuq ix-Xatt tal-Libja, 21 ħaddiem Insara mill-Eġittu —li ħafna minnhom kienu ħaddiema tal-idejn fil-qasam tal-kostruzzjoni— għamlu għażla. L-għażla li tawhom in-nies tal-Istat Iżlamiku (ISIS) hi li jew isiru Musulmani jew tmutu. Ir-risposta tal-21 ħaddiema fil-15 ta’ Frar 2015 kienet, “Aħna ma niċħdu qatt lil Ġesù,” u ħanxrulhom rashom.

Magħhom kien hemm raġel mill-Għana u meta tal-ISIS għamlulu wkoll id-domanda, qalilhom, “Alla tagħhom hu Alla tiegħi,” u miet magħhom.

Dawn huma 21 ħaddiema li fi żmienna, mhux fl-antik, taw ħallew ħajjithom. Demmhom tħallat fil-baħar li jdawwarna u ngħumu fih. Meta tħarsu lejn il-baħar tagħna ftakru li miegħu hemm imħallat id-demm ta’ dawn il-ħaddiema li taw ħajjithom biex ma jiċħdux lil Ġesù.

Il-fidi tagħhom kienet sempliċi imma profonda. Kif tista’ tagħti ħajtek għat-thewdin jekk mhux għax fil-qalb tiegħek hemm l-esperjenza tal-paċi, tal-ferħ, u tas-sewwa li ma jeħodhielek ħadd u li ġejja mingħand Ġesù l-imsallab u rxuxtat?

Niġġeddu fil-fidi

Illum aħna l-Insara li tgħammidna meta konna ċkejknin, inġeddu l-fidi tagħna f’Alla li huwa mħabba. Illum irridu ngħaddu mill-mewt għall-ħajja, mid-dlam għad-dawl, mill-mibgħeda għall-imħabba.

Illum nilqgħu magħna 19-il adult li għażlu li jilqgħu lil Ġesù f’ħajjithom, għażlu li jsiru Insara. Nitolbu ħafna għalihom għax bħalma l-Mulej jgħinhom, il-ħażen jipprova wkoll jattakkahom. Għandhom dritt tal-għajnuna u s-sostenn tagħna!

Dear catechumens, we pray for you today as you choose Jesus Christ as your Saviour, your guide, and your life. May He fill you with His joy, His peace, and His grace. May you feel the joy of belonging to Him. He will strengthen you with the gift of His Spirit and give you Himself in the Holy Eucharist. May you be blessed, and please, pray for us.

U aħna, li aħna Kattoliċi inkalliti, li mingħalina jistħoqqilna xi premju sabiħ, ejjew nitolbu b’umiltà li l-fidi tagħna tkun dejjem fidi ħajja, samma u li ma naqtgħu qalbna qatt u ma niċħdu qatt lil Ġesù.

 “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk” (Mt 28:10).

Ħutna l-Orjentali, bħal llum għandhom din it-tislima sabiħa Christos Anesti (il-Mulej Kristu Qam) u r-risposta tkun Alithos Anesti (Tassew Qam).

It-tislima ta’ Ġesù għal kull wieħed u waħda minna tkun “Is-sliem għalikom!” (Lq 24:36).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 1:1-2:2
Salm: 103 (104):1-2a,5-6,10,12,13-14,24,35ċ
Qari II: Ġen 22:1-18
Salm:15 (16):5,8,9-10,11
Qari III: Eż 14:15 – 15:1
Salm: Eż 15:1-2,3-4,5-6,17-18
Qari IIII: Is 54:5-14
Salm:29 (30):2,4,5-6,11,12a,13b
Qari V: Is 55:1-11
Salm: Is 12:2-3,4bċd,5-6
Qari VI: Bar 3:9-15,32 – 4:4
Salm: 18 (19):8,9,10,11
Qari VII: Eżek 36:16-17a,18-28
Salm: 41 (42):3.5bċd; 42 (43):3,4
Qari VIII: Rum 6:3-11
Salm: 117 (118):1-2,16ab-17,22-23
L-Evanġelju: Lq 24:1-12

Aktar ritratti