L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Anke illum Ġesù jagħtina parabbola, storja li jużaha biex jiddjaloga, biex jitkellem mal-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu.

Kien qed iħoss li mhux se jilqgħuh. Beda jifhem li qiegħda sseħħ dik il-profezija ta’ meta kellu 40 jum biss. Nimmaġina li rrakkuntawlu meta Xmun qalilhom: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Imma Ġesù donnu ma jaqtax qalbu. Ikompli jistieden lill-mexxejja tal-poplu ta’ żmienu li, kif nafu, imbagħad kellhom jakkużawh u jagħtuh għall-mewt, iġiegħlu lil Pilatu jikkundannah biex imut fuq is-salib. Ġesù jkompli jkellimhom fuq il-proġett ta’ Missieru, ta’ Alla, li huwa proġett ta’ mħabba.

Tiftakru li l-Ħadd li għadda għedna li meta juża’ t-tixbiha sabiħa tad-dielja, il-Mulej qed jitkellem fuq l-imħabba li għandu Alla għad-dielja tiegħu? Il-maħbub tiegħi żera’ dielja. Illum għandna immaġini oħra tal-imħabba għaliex is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. It-tieġ huwa l-ikbar festa tal-imħabba bejn żewġ persuni. It-tieġ tal-Iben Alla huwa l-imħabba ta’ Ġesù għall-għarusa tiegħu, il-Knisja, għal kull wieħed u waħda minna.

Aħna mistednin għal din il-festa tal-imħabba iżda t-traġedja hi li l-Mulej jistieden għax jirrispetta l-libertà. Min jistiednek qed jgħidlek biex tieħu sehem fil-festa tal-imħabba tiegħu. Inti għandek il-liberta tgħidlu ‘le’. U hekk jiġri. “Ejjew għall-festa” (Mt 22:4). L-ewwel grupp ma ridux jiġu. Hija traġedja tal-poplu Lhudi u anke ta’ min jisma’ l-kelma tal-istedina ta’ Alla u jgħid: ‘Ma rridx’. Imbagħad jibgħat il-qaddejja bħalma bagħat il-profeta f’tant sekli fl-istorja ta’ Iżrael. Kulħadd mehdi bl-affarijiet ta’ din id-dinja. “Ma tawx kas; min mar għall-għalqa, min għan-negozju tiegħu” (Mt 22:5) u min kellu reazzjoni vjolenti. Nistgħu ngħidu li f’dawn ir-risposti għall-istedina tal-imħabba ta’ Alla, nafu wkoll insibu lilna nfusna.

Il-Mulej ma jaqtax qalbu, jistieden lil kulħadd. “Morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu” (Mt 22:10). Aħna l-Maltin x’aktarx ninsabu f’din il-kategorija. San Pawl Missierna kien mibgħut għand poplu pagan mill-providenza ta’Alla u bl-istedina tal-imħabba ta’ Alla. Il-Mulej ma joqgħodx jistenna xi ċertifikat pulit tal-kondotta; l-istedina hija għat-tajbin u għall-ħżiena u jippretendi li nilbsu l-libsa tat-tieġ. Fl-antik nett, meta s-sultan kien jistiednek, kien jibgħatlek hu stess il-libsa tat-tieġ. Għalkemm fi żmien Ġesù din id-drawwa nqatgħet, il-Mulej qed jirreferi għal-libsa li jħejjilna hu.

Hawnhekk, fil-kappella tal-Madonna tal-Ħlas, il-familji jġibu t-trabi tagħhom, mhux biss ta’ Ħal Qormi, imma ta’ madwar Malta kollha. In-nisa li jkollhom ħlas feliċi jiġu hawn jippreżentaw it-trabi tagħhom lill-Madonna, u jirringrazzjawha ta’ din il-grazzja kbira tal-maternità u tal-paternità. Nimmaġina n-nanniet jiġu wkoll jifirħu b’din it-tarbija l-ġdida. Fit-tradizzjoni tagħna, it-trabi nlibbsuhom libsa bajda. Fil-magħmudija s-saċerdot jagħtina dik il-libsa bajda, anke meta ngħammed lill-adulti, ma nagħtuhomx libsa imma xall abjad. Il-Libsa tfisser li Alla, li ħafirlek dnubietek, qed jagħtik il-libsa għall-festa tat-tieġ. Imma inti fil-libertà kollha li twarrab il-libsa u m a tilbishiex.

Fil-parabbola li Mattew jagħti illum fil-kapitlu 22 tal-Evanġelju tiegħu, ma jilbisx il-libsa tat-tieġ. Mhux għax ma kellux flus biex jixtri waħda, għax il-libsa jagħtihielek ir-re stess. Aħna li aħna mistiedna għal dan il-proġett sabiħ tal-imħabba ta’ Alla, għandna bżonn nagħmlu l-parti tagħna; nilqgħu l-imħabba tiegħu f’ħajjitna, il-maħfra tiegħu, il-grazzji li jagħtina. Dan għandu bżonn mingħandna Alla: li nilbsu l-libsa tat-tieġ li jħejjilna hu.

F’kull quddiesa qabel it-tqarbin niftakru li aħna mistiedna u li l-Mulej bil-ħniena tiegħu qed ilibbisna għal din il-festa.

Kemm hi ħaġa sabiħa li tkun taf li stiednek u libsek! It-traġedja tkun meta aħna ngħidulu ‘le’ għall-istedina. Immaġinaw dak li jiġri fil-familji tagħna. Kemm stejjer dwar dak ma ġiex għat-tieġ tat-tifel u l-oħra ma ġietx għal tat-tifla. Dawn huma weġgħat li ma ninsewhom qatt, u ngħidilkom li jintirtu minn nisel għal ieħor. Għaliex aħna għandna din il-mentalità qawwija: li jekk nistiednek għat-tieġ, jekk ma tiġix almenu ibgħat rigal, u mhux xejn! Dak insult kbir għalina!  

Jiġifieri aħna stess nafu x’jiġifieri meta tirrifjuta stedina għal tieġ. Imma mbagħad meta għandek re li tak il-libsa wkoll, ma tilbisiex? Mhux hekk jagħmel Alla magħna? Stedinna. Aħna fil-quddiesa nfakkru f’din il-ħaġa meta ngħidu: ‘Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf’. F’kull quddiesa qabel it-tqarbin niftakru li aħna mistiedna u li l-Mulej bil-ħniena tiegħu qed ilibbisna għal din il-festa. Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna nilqgħu l-istedina tal-Mulej u nilbsu l-libsa sabiħa li ħejjilna hu.

Ilbieraħ il-Papa Franġisku bbeatifika żagħżugħ. Meta miet fl-2006, Carlo Acutis kellu 15-il sena. Twieled Londra minn ġenituri Taljani u trabba Milan. Kien bniedem tal-ġenerazzjoni tiegħu, kien attiv ħafna anke fuq l-internet, għamel websajt bil-mirakli tal-Ewkaristija li wieħed għad jista’ jsibha sal-lum. Kien bniedem normali, iħobb jilgħab il-futboll, imur fil-kampanja. Fil-fatt, ħafna ritratti ta’ Carlo Acutis huma fuq il-muntanji jew f’xi vjaġġ. Anke s-santa li għażlu għall-beatifikazzjoni tiegħu hija ta’ żagħżugħ normali b’ilbies normali. Il-korp tiegħu sabuh intatt, sħiħ,  għalkemm imqadded bħalma aħna sibna anke lil San Ġorġ Preca, il-qaddis għażiż tagħna. Lil Carlo libbsuh bl-ilblies ta’ żagħżugħ, bil-jeans. Dan iż-żgħażugħ Nisrani beatu għamel miraklu ma’ żagħżugħ Brażiljan u huwa eżempju ħafna ta’ żgħożija, ta’ żagħżugħ li laqa’ l-istedina ta’ Ġesù. Carlo Acutis kien jgħid: “Ta’ 12-il sena skoprejt li l-ġurnata tiegħi tkun isbaħ jekk immur il-quddies, jekk ngħid ir-rużarju kuljum u nqerr darba fil-ġimgħa”. Dan żagħżugħ ta’ 12-il sena! Ta’ 15-il sena ġiet fuqu l-lukiemja u hu offra t-tbatijiet tiegħu għall-Papa u għall-Knisja.

Nitlobu ħafna l-interċessjoni ta’ Carlo Acutis għaż-żgħażagħ tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 25, 6-10a
Salm: 22 (23), 1-3a.3b-4.5-6
Qari II: Fil 4, 12-14.19-20
Evanġelju: Mt 22, 1-14

More Photos >>